Fi stqarrija wara allegazzjonijiet ġodda fuq Keith Schembri, ntqal li l-allegazzjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni saru redikoli għall-aħħar.
“L-ewwel ivvinta li l-kumpanija Egrant hija ta’ mart il-Prim Ministru, imbagħad beda jgħid li hija sekondarja ta’ min hi l-Egrant. Issa mar pass oltre’ u qal li ma jistax jippreżenta provi dwar ta’ min hi l-Egrant għaliex l-istorja ma ħariġiex hu,” qal il-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista nnota kif illum spiċċa jgħid li ġew shredded provi, anke jekk ftit jiem ilu qal li ħarbu f’bagalja, sempliċiment għax ra trakk barra fit-triq.
“Illejla għażel li jkompli jwaddab allegazzjonijiet bl-addoċċ. Kull min kien mitlub mill-Maġistrat Bugeja biex jagħti x-xhieda tiegħu diġà mar, inkluż iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, bl-eċċezzjoni ta’ seħbet Simon Busuttil, Daphne Caruana Galizia,” qal il-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista tonna li l-uniċi każijiet ta’ korruzzjoni ċerti huma dawk taż-żejt u l-work for votes f’Għawdex, li Simon Busuttil iddefenda t-tnejn. “Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla kkonferma jekk qattx kien hemm il-ħtieġa kemm kien qed jigdeb fuq il-Prim Ministru u l-familja tiegħu fuq il-każ tal-Egrant,” qal il-Partit Laburista.
Finalment kompla jingħad li huwa ċar li Simon Busuttil huwa l-aktar politiku giddieb u falz fl-istorja politika ta’ pajjiżna tant li llum ma jistax jissostanzja l-gideb tiegħu stess.