Il-Professur Stephen Montfort, li jispeċjalizza fil-mard respiratorju, tkellem dwar kif jistenna li fil-ġejjieni jkun hemm impatt fuq ir-rati tal-ażżma f’pajjiżna. Dan bl-għeluq tal-power station tal-Marsa u l-waqfien tal-użu tal-Heavy Fuel Oil mill-power station ta’ Dellimara. Montfort qal dan meta kkummenta dwar l-avveniment storiku ta’ iktar kmieni din il-ġimgħa meta pajjiżna beda juża l-gass għall-ġenerazzjoni tal-elettriku.
“Il-mard respiratorju f’pajjiżna huwa prevalenti ħafna. Speċjalment fit-tfal l-ażżma,” qal il-Professur Montfort li fisser kif il-kwalità tal-arja hija importanti kemm għall-kbar u kemm għaż-żgħar. “Hija importanti għal kulħadd kemm għal min għandu u kemm għal min m’għandux mard respiratorju,” qal il-Professur li fisser kif hemm diversi studji dwar l-effetti koroh tal-HFO.