Beda x-xogħol fit-toroq li jagħmlu d-dawra ta’ Buġibba. Dan wara li fil-bidu ta’ April tħabbar li se jkun qed isirilhom manutenzjoni estensiva b’investiment ta’ €3.5 miljun, li huma parti mill-flus li nġabru permezz tal-kontribuzzjoni ambjentali li jħallsu t-turisti.
Bħala parti mill-manutenzjoni li se jkun qed isir, illum beda ‘re-surfacing’ tat-toroq. Dan bħala parti minn proġett li se jkun qed jinqasam f’ħames fażijiet bl-ewwel fażi, propju din, tkun minn Triq il-Knisja sa Triq Santa Marija.
It-tieni fażi minn Triq Santa Marija sa Misraħ il-Bajja. It-tielet fażi minn Misraħ il-Bajja sal-Akkwarju Nazzjonali. Ir-raba fażi mill-Akkwarju sa Triq l-Istammar u l-ħames u l-aħħar fażi minn triq l-Istammar sa Triq il-Fugass.
Dan hu proġett li ilu mistenni ferm hekk kif l-istat tat-toroq f’din iż-żona qed jagħtu dehra mill-iktar kerha lill-lokalità ta’ Buġibba.