Illum Google nediet il-programm ta’ workshop diġitali f’Malta.
Din il-pjattaforma onlajn ser tkun qed toffri taħriġ b’xejn lil kulħadd. Dawn jinkludu minn intrapriżi żgħar u medji sa professjonisti u studenti li jixtiequ jkabbru l-ħiliet diġitali u l-għarfien fil-markiting diġitali.
Id-distakk fil-ħiliet diġitali jibqa’ wieħed mill-isfidi l-kbar għall-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.
Skont il-Kummissjoni Ewropea (KE), kważi nofs il-popolazzjoni tal-UE (47%) għad mhix imħarrġa fid-dinja diġitali u, minkejja dal-fatt, fil-futur qrib kważi 90% tal-impjiegi ser ikunu jeħtieġu xi livell ta’ ħila diġitali. Il-KE qed tbassar li 756,000 impjieg mhux ser jintlew minħabba dan id-distakk fil-ħiliet.
F’Malta, skont l-Indiċi tas-Soċjetà tal-Ekonomija Diġitali, 21.3% tal-popolazzjoni qatt ma użat l-internet (il-medja tal-UE hi 14.5%) u b’mod partikolari fil-ħiliet diġitali, 49% tal-individwi għandhom ħiliet diġitali bażiċi. Dan wara li naqas minn 52% fl-2015 (il-medja tal-UE hi 56%).
Biex tgħin jitnaqqas dan id-distakk fil-ħiliet diġitali, il-Google ħolqot il-pjattaforma ta’ Workshop Diġitali, li hu disponibbli għal kulħadd f’Malta. Il-Workshop Diġitali ta’ Google jippermetti lil kull persuna taġġorna ruħha b’mod personalizzat minn kullimkien u f’kwalunkwe ħin. Il-pjattaforma tkopri iktar minn 20 suġġett li huma spjegati permezz ta’ lezzjonijiet li jinfthemu b’mod ċar u b’eżempji prattiċi. Is-sessjonijiet ivarjaw minn suġġetti bħal kif tibni preżenza onlajn, kif tħaddem is-social media marketing sa kif tuża l-opportunitajiet offruti mill-mowbajls biex tattira iktar klijenti, u ħafna aktar. L-utenti jistgħu jagħżlu s-suġġetti li jixtiequ jitgħallmu dwarhom, jew ilestu l-kors sħiħ onlajn u jiksbu ċertifikat mingħand Google u IAB Europe.
“Nemmnu li t-teknoloġija tista’ tgħin u tkun ta’ benefiċċju għal ħafna nies, fosthom studenti u professjonisti li jridu jiksbu suċċess fil-karriera u n-negozju tagħhom. Hekk kif it-teknoloġija u l-internet qed ikollhom rwol dejjem ikbar fil-ħajja tagħna, aħna bħala Google narawh bħala dmir tagħna li nipprovdu l-għodda biex ngħinu lin-nies jieħdu dak kollu li jistgħu minn din l-opportunità. Diġà pprovdejna taħriġ fil-ħiliet diġitali lil żewġ miljun Ewropew f’dawn l-aħħar sentejn u llum qed inħabbru li qed nagħmlu l-programm tal-Workshop Diġitali disponibbli għal kulħadd f’Malta. Lil hinn jekk intix student li qed tfittex l-ewwel impjieg, negozju żgħir li qed tipprova tattira klijenti ġodda jew blogger interessat li tippromowovi l-kontenut tiegħek madwar id-dinja, inħeġġu lin-nies biex jieħdu vantaġġ mit-taħriġ mingħajr ħlas disponibbli mil-lum stess,” qal Grigoris Zarifopoulos, il-Country Manager ta’ Google għal Greċja, Malta u Ċipru.
Ħafna nies diġà bdew jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunità diġitali. Permezz tat-taħriġ mingħajr ħlas offrut minn Google, Antonios Fiorakis, il-fundatur ta’ Incrediblue, pjattaforma onlajn għall-ibbukkjar ta’ boating holidays, tgħallem dwar il-bażi fundamentali ta’ data analytics: “It-taħriġ għeni nkejjel kif l-utenti jirreaġixxu. Bqajt skantat bil-preċiżjoni tad-data insights. Skoprejt dettalji dwar il-klijenti tiegħi li għenuni nkabbar il-volum ta’ bejgħ,” ikkonferma Fiorakis.
Il-Workshop Diġitali qed jitwassal b’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet imsieħba fosthom il-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet u l-Fondazzjoni eSkills Malta.
Il-Prof. Joseph Cilia, mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet National Skills Council, qal: “Settur tal-ekonomija li hu aktar dinamiku, bħalma qed ikun esperjenzat bħalissa fl-Ewropa kollha, qed ikompli jenfasizza l-bżonn ta’ iktar edukazzjoni li tirrefletti l-bżonnijiet tal-ġurnata u l-ħtieġa li orgranizzazzjonijiet joffru taħriġ f’ħiliet speċifiċi. Fil-kuntest ta’ Malta, id-daqs tas-suq tax-xogħol u l-isfidi tal-industrija li jsibu l-ħiliet korretti qed ikomplu jkunu aggravati mill-fatt li aħna insulari. Il-pass ’il quddiem fl-edukazzjoni u fis-sistemi ta’ lifelong learning huma li jkunu iktar effiċjenti, jinħolqu sistemi għar-rikonoxximent ta’ forom oħra ta’ taħriġ, nesponu lill-istudenti ż-żgħar għad-dinja ta’ xogħol u possiibbilment nirfinaw il-mudelli ta’ tbassir biex tgħin lil dawk li jfasslu l-politika.”
Carm Cachia, mill-Fondazzjoni eSkills Malta, qal: “Skont l-aħħar stħarriġ tal-Indiċi tal-UE tad-DESI għall-2017, Malta kisbet pożizzjoni tajba ħafna f’dak li hu użu ta’ internet.
L-istħarriġ wera li 79% jaqraw l-aħbarijiet onlajn, 90% jużawh għax-xiri, 48% jużaw għal video calls, 82% għan-netwerking soċjali u 60% għal użu ta’ servizzi bankarji u xiri ieħor. Madankollu, ħafna min-negozji żgħar jew medji mhumiex qed ibiegħu l-prodotti tagħhom onlajn.
Li tbiegħ onlajn ifisser li tkabbar in-negozju b’mod sinifkanti u tbiddel in-negozju, irrispettivament minnkemm hu żgħir, f’kumpanija li hi digitally smart. B’mod kollettiv, dan ifisser żieda fl-attività kummerċjali u l-ġid soċjali f’Malta. Min-naħa l-oħra, fil-qasam ta’ Kapital Uman, Malta tinsab taħt il-medja għax 49% biss tal-popolazzjoni għandha ħiliet diġitali bażiċi. Malta għandha tieħu vantaġġ minn opportunitajiet bħall-Workshop Diġitali ta’ Google, għaliex huma ideali, b’xejn, u flessibbli. Inizjattivi bħal dawn jindirizzaw il-ħiliet diġitali li hawn bżonn biex jgħinu lill-komunità soċjali u kummerċjali.”
In-negozji kollha, kif ukoll dawk l-individwi interessati li jespandu l-għarfien diġitali tagħhom, jistgħu jirreġistraw b’xejn biex jattendu l-korsijiet onlajn disponibbli permezz tal-pjattaforma Workshop Diġitali.
Il-pjattaforma tinsab fuq is-sit: https://learndigital.withgoogle.com/digitalworkshop-mt/.