Omm Maltija li għamlet abort sostniet li m’hijiex kriminal iżda li hija omm li tħobb u li għamlet hekk għall-erba’ tfal tagħha.
Din id-dikjarazzjoni saret f’dokumentarju li xxandar fuq Euronews. “Kważi kelli 44 meta nqbadt tqila. Iddiskutejt ma’ żewġi u ddeċidejna li għall-familja tagħna u l-erba’ ulied kien ikun aħjar li ntemmu t-tqala,” qalet omm intervistata fid-dokumentarju.
Mara oħra qalet: “Kelli sbatax u nqbadt tqila. Id-deċiżjoni kienet li mmur l-Ingilterra u ntemm it-tqala. Xi ħaġa marret ħażin waqt il-proċedura u qomt f’nofsha. Dak il-ħin ridt inqum, iżda qalu le.”
Jispikka l-mod kif iż-żewġ ommijiet qalu li qatt ma jkunu lesti li jitkellmu pubblikament dwar is-suġġett bil-ġurnalista ta’ Euronews Valerie Gauriat tkompli tistħarreġ is-sitwazzjoni f’Malta b’rapport li jippreżenta n-naħat differenti tal-argument.