Inqered għalkollox il-faqar li nħoloq fl-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista bil-Prim Ministru Joseph Muscat jispjega f’Kastilja li dan hu riżultat tal-miżuri li ħa l-Gvern fl-aħħar snin fejn il-prosperità ekonomika kellha skop.
Il-proporzjon ta’ nies fil-faqar naqas għal dak li kien kważi għaxar snin ilu.
Il-Prim Ministru saħaq li kieku l-Partit Laburista kabbar l-ekonomija mingħajr ma ra li l-middle class tissaħħaħ u l-persuni żvantaġġjati fis-soċjetà jimxu ’l quddiem, kien ikun fil-Gvern bla ebda skop għaliex il-ġustizzja soċjali hija punt prinċipali.
Kien għalhekk li l-Gvern, fil-bidu tal-leġiżlatura forsi deher bħala wieħed probusiness, spjega l-Prim Ministru, biex fiċ-ċokon tiegħu, pajjiżna jirnexxilu jegħleb il-mudell ta’ awsterità rakkomandat mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.
Huwa għalhekk li bi tnaqqis ta’ 3.7% Malta kellha l-ikbar tnaqqis fil-faqar fl-Unjoni Ewropea.
Illum ir-rata ta’ faqar materjali u sever hija n-nofs tal-medja Ewropea. Il-livelli baxxi f’pajjiżna llum qed joqorbu lejn l-Iżvizzera, il-pajjiżi Skandinavi, l-Olanda, il-Lussemburgu, l-Iżlanda u l-Awstrija. Jinsabu wkoll fl-istess livell tal-Ġermanja u ta’ Franza. Ir-rata f’Malta hi iktar baxxa mir-Renju Unit, il-Belġju, l-Italja, Spanja, il-Portugall, l-Irlanda u l-Greċja. Din hija l-aktar rata baxxa fost il-11-il pajjiż li daħlu fl-Unjoni Ewropea flimkien ma’ Malta jew wara.
Il-Prim Ministru u l-Ministru Michael Farrugia spjegaw f’Kastilja li f’din il-leġiżlatura nħolqu 28,000 impjieg u għalhekk dan ix-xogħol ma ġiex b’kumbinazzjoni. Saħansitra, il-qgħad naqas għall-inqas livell fl-istorja.
ĠORĠ U MARIA – Koppja anzjana li għandhom iktar minn 75 sena u li qegħdin fuq il-pensjoni minima. Din il-koppja bil-miżuri li daħlu din is-sena ħadu żieda fil-pensjoni minima u għajnuna supplimentari li jitilgħu għal €9.62 fil-ġimgħa li jitilgħu għal €500 fis-sena. Is-sena l-oħra ħadu €215 żieda fil-pensjoni. Jiġifieri f’sentejn raw żieda ta’ €715 dħul. Minbarra dan, ingħataw il-benefiċċju ta’ €300 fis-sena għax baqgħu d-dar u ma daħlux ġo home. Bil-bidliet ta’ dan il-Gvern ma jħallsux taxxa fuq il-pensjoni, minkejja li d-dħul tagħhom żdied. Din il-koppja ta’ pensjonanti rat żieda ta’ 10% fid-dħul tagħha f’sentejn.
CARMEN – Carmen, armla li qabel miet ir-raġel kienet tikkwalifika għal pensjoni żgħira f’isimha. Is-sena li għaddiet grazzi għar-riforma fil-pensjoni tar-romol ħadet żieda ta’ €35 fil-ġimgha, jew €1,820 fis-sena. Għax is-sena li għaddiet raħset it-taxxa għal dawk bi dħul baxx gawdiet minn roħs ta’ €104 fil-kont tat-taxxa tagħha. Din is-sena frott il-bidla fit-tassazzjoni tal-pensjonijiet, sejra tiffranka €286 oħra. F’sentejn biss din l-armla rat id-dħul tagħha jitjieb bi kważi 25%.
MARK U RITIENNE – Koppja żagħżugħa, it-tnejn jaħdmu f’fabbrika u jitħallsu l-paga minima. Għandhom żewġt itfal. Permezz tal-bidliet fl-inwork benefit u s-supplimentari qed jieħdu €10.85 fil-ġimgħa iktar; €564 fis-sena. Qed jikru appartament u jikkwalifikaw għas-sussidju. Wara l-bidliet fl-aħħar baġit żdiedu b’€39 fil-ġimgħa. Jiġifieri se jiffrankaw €2,028 fis-sena. B’kollox din il-familja ggwadanjat €2,592 fis-sena. Titjib fid-dħul disponibbli tagħha ta’ 15%.
Minħabba miżuri li daħħal dan il-Gvern, la Mark u Ritienne jaqilgħu paga minima ma jiġux intaxxati. Kieku ma nbidlitx id-direzzjoni, minflok, Mark u Ritienne kienu jħallsu €224 f’taxxa tad-dħul bejniethom. Kieku ma nbidlitx id-direzzjoni fl-2013, la Mark u lanqas Ritienne ma kienu se jieħdu l-inwork benefit ta’ xi €1,880. Jiġifieri kieku ma seħħewx il-baġits ta’ dan il-Gvern, Mark u Ritienne kienu jkunu kwazi €4,700 minn taħt. U dan minn bidliet f’benefiċċji u taxxa biss. Mark u Ritienne illum igawdu wkoll miċ-childcare b’xejn.