- MALTA L-EWWEL PAJJIŻ FL-EWROPA
Malta huwa l-ewwel pajjiż Ewropew magħżul minn Sean u Valerie Clifford. Koppja li flimkien maċ-ċkejkna binthom Enya ta’ sitt snin, qed iduru d-dinja u, bi travel series imsejħa TheKidTrotter, iwasslu l-messaġġ ta’ kif u fejn l-aħjar tivjaġġa meta jkollok it-tfal żgħar.
Barra minn hekk, imbarkaw fuq vjaġġ t’esperjenzi li juru kemm huwa faċli li ssiefer u ddur id-dinja bi ftit flus, anki bit-tfal.
Għal pajjiżna ddedikaw għaxart ijiem; u tkellimna magħhom meta kienu waslu f’nofs l-avventura tagħhom, u fi kliemhom “bdew bl-aħjar”.
“Naħseb l-iktar ħaġa importanti li tgħallimna dwar Malta fl-aħħar jiem mhijiex ix-xemx, iżda l-mod sabiħ kif jilqgħuk in-nies,” qal Sean Clifford.
Ilhom snin iduru d-dinja flimkien, iżda kien biss sentejn ilu li ddeċidew li jimbarkaw fuq vjaġġ li permezz tiegħu jwasslu lis-segwaċi tagħhom l-esperjenza ta’ x’jiġifieri ddur id-dinja kontinwament bit-tfal.
Fl-aħħar sentejn kisbu popolarità li qatt ma basru, u bit-tifla daru ħafna pajjiżi fl-Asja.
Issa kien imiss l-Ewropa, u Malta huwa l-ewwel pajjiż li għażlu biex jibdew dan il-vjaġġ; hekk kif fi kliem Sean pajjiżna huwa destinazzjoni unika fil-Mediterran. Valerie Clifford qalet li ridna pajjiż bi storja kbira u twila u Malta għandha kollox. “L-arkitettura sabiħa ħafna u l-kultura hija taħlita bejn l-imgħoddi ta’ ċivilizzazzjoni Ewropea u Għarbija u għalhekk għalina din hija xi ħaġa li sibna sinjura ħafna. Għalhekk għalina hija interessanti ħafna li niskopru l-kultura tagħkom,” sostniet Valerie Clifford.
Fiż-żjarat tagħha, il-familja Clifford tmur lil hinn mill-attrazzjonijiet turistiċi.
Anzi l-koppja saħqet li l-għan tagħhom huwa li jagħtu togħma tal-kultura tal-pajjiż billi jitkelmu man-nies tal-lokal.
Meta staqsejna lil Valerie dwar l-esperjenza tagħha bħala vjaġġatura fl-istess ħin li hija omm ta’ tifla ta’ sitt snin, qaltilna li t-tifla minn dejjem uriet l-għatx li titgħallem u tassorbi l-kulturi differenti minn madwar id-dinja.
Valerie kompliet tgħid kif dik li għaddejjin minnha hija esperjenza mill-isbaħ. “Qabel, meta konna nsiefru waħedna, konna ngħidu li diffiċli tivjaġġa b’tifla u li seta’ jkun ikkumplikat. Imma huwa totalment il-kontra għax donnu t-tfal jadattaw iktar malajr milli nadattaw aħna u tiftaħ ħafna bibien anke għax tiltaqa’ ma’ ġenituri oħra, tfal oħra, u tidħol fil-kultura għax ikollok it-tfal,” qalet l-omm.
Sean huwa Irlandiż u Valerie Franċiża, u ltaqgħu meta kienu għadhom żgħar ħafna – it-tnejn bl-istess ħolma: li jduru d-dinja.
Ilhom iduru minn pajjiż għall-ieħor għal dawn l-aħħar 20 sena, u meta ddeċidew li jiżżewġu u jibdew familja, ma qatgħux qalbhom li jkomplu fuq dak li bnew u kebbsu l-imħabba tagħhom fuqu.
Meta staqsejniehom dwar kif ikampaw finanzjarjament, Sean kien ċar.
Meta l-ivjaġġar ikun prijorità, l-affarijiet l-oħra jiġu waħedhom. Stqarr li l-materjaliżmu ma jagħmilx bihom, allura jippruvaw inaqqsu l-ispejjeż żejda.
Meta jkunu ’l bogħod minn darhom għal amont ta’ xhur, jikru l-post tagħhom u jwaqqfu spejjeż bħall-assigurazzjoni tal-karozza li ma jkunux qed jużaw.
Flimkien daru l-maġġoranza tal-pajjiżi fil-kontinenti kollha, u filwaqt li Valerie qalet li n-Nepal huwa l-pajjiż li rabtet sew ma’ qalbha, Sean semma li aktar milli d-destinazzjoni hija l-esperjenza li jiltaqa’ ma’ nies differenti.
U hawnhekk reġà semma lil pajjiżna. “Iktar milli d-destinazzjoni, hija iktar dwar li titlaqa’ man-nies. Xi jumejn ilu konna l-Qbajjar insuqu l-iscooter u konna mistiedna minn mara anzjana biex nixorbu l-Kinnie,” qal Clifford.
B’ġirja bl-iscooter f’kull pajjiż li jmorru tkun is-simbolu tagħhom, il-koppja Clifford ġabret dak kollu li esperjenzat fl-aħħar 20 sena f’għaxar kelmiet. “Fil-qosor ngħid wieħed għandu joħroġ miż-żona komda tiegħu, u jipprova l-avventuri madwar id-dinja,” temmet tgħid Valerie.