“Bl-għeluq tal-power station tal-Marsa għamilna qabża kbira ‘l quddiem. Għada se tkun ġurnata oħra storika għall-ambjent, għall-kwalità tal-arja u għall-kwalità tal-ħajja. Għada pajjiżna se jieqaf juża darba għal dejjem l-aktar żejt li jniġġeż fid-dinja, il-Heavy Fuel Oil, u għada pajjiżna se jibda jħaddem it-turbini kollha tal-power station bil-gass.”
Ħabbar dan Joseph Muscat waqt il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem kif fil-qasam ambjentali l-Gvern seta’ wera aktar sensittività, minkejja li ħafna drabi ġie ġġudikat fuq deċiżjoni waħda, dik taż-Żonqor, li ġiet riveduta u fuq ħafna applikazzjonijiet u statistiċi, l-ambjent ifisser kwalità tal-arja aħjar li tejjbet il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin, speċjalment il-familji u tfal tas-South, spjega l-Mexxej Laburista.
Il-Prim Ministru saħaq li b’hekk se nkunu wettaqna għal kollox il-pjan tagħna għall- enerġija orħos u aktar nadifa. Il-fabbrika tal-kanċer se tingħalaq darba għal dejjem u se jibda x-xogħol biex inwaqqgħu ċ-ċumnija li ilha snin sinonima ma’ Marsaxlokk. Dak li għal ħaddieħor kien ħrafa, issa huwa realtà. Kif se tkun realtà ftit snin oħra li jkollna pipeline tal-gas mall-Italja u allura l-vapur se jkun jista’ jsalpa tenna Dr Muscat.
Kredibiltà biex jitwettqu proġetti li ħaddieħor kien jikkunsidra impossibli
Qed nuru mill-ġdid il-kredibiltà tagħna li nwettqu proġetti li ħaddieħor mhux biss kien qata’ qalbu minnhom, iżda kien jikkunsidra impossibbli. Ħaddieħor dam id-doppju taż-żmien u nefaq it-tripplu tal-flus biex bena Mater Dei b’konkos ikkrepat. Ħaddieħor dam 15 -il sena biex bena l-moll taċ-Ċirkewwa. Ħaddieħor kisser servizz tal-karozzi tal-linja u biddlu ma’ xarabanks li jew ma kinux jaslu jew kienu jieħdu n-nar. Ħaddiehor kien iridna naħsbu li m’hemmx soluzzjoni għal mediċini out of stock. Ħaddieħor kien qata’ qalbu li jsalva l-Enemalta, li jlesti l-interconnector mal-Italja u nesa li ried jagħlaq il-power station tal-Marsa, spjega l-Mexxej Laburista.
Bil-maqlub ta’ dan kollu, sostna Dr Muscat, matul din il-leġislatura, urejna li aħna l-Maltin kapaċi nwettqu proġetti li konna naħsbu li ma stajniex nagħmluhom. Insolvu problemi li konna qtajna qalbna minnhom. Dan kollu jagħtina kredibiltà. Iva, f’dawn l-erba’ snin żdied it-traffiku għaliex żdiedu għall-ogħla livell fl-istorja ta’ nies jaħdmu, għaliex għamilna proġetti li ilhom biex isiru bla ma bżajna li jistgħu joħolqu tgergir sakemm jitwettqu. Iżda wettaqna ukoll. Irriformajna t-trasport pubbliku fejn minkejja li mhux perfett huwa ferm aħjar mill-bendy buses tal-Arriva. U wettaqna proġetti bħal Coast Road, u issa il-junction tal-Kappara, b’ mod professjonali, filwaqt li qed inlestu biex nibdew ix-xogħol fuq il-junction tal-Marsa, spjega l-Prim Ministru.
In-nies jafdawna wkoll biex noffru soluzzjonijiet għal problema l-ġdida tal-kirjiet fejn fost is-sensiela ta’ affarijiet li jridu jsiru hemm li rridu nagħmluha aktar faċli lil min irid jixtri daru, tenna Joseph Muscat.