Simon Busuttil issa qed jgħid ukoll li mhux ix-xogħol tiegħu li jara jekk is-suppost dokumenti li qed jintużaw fl-allegazzjonijiet kontra l-Prim Ministru humiex veru. Dan għax xogħlu hu li jikkumenta. F’konferenza tal-aħbarijiet reġa’ ma wera l-ebda prova biex isostni dak li ntqal.
Busuttil fetaħ attakk fuq il-Prim Ministru u martu abbażi l-allegazzjonijiet ta’ seħbitu Daphne Caruana Galizia, allegazzjonijiet ibbażati fuq dokument falz li lanqas Busuttil stess ma jemmen li hu awtentiku. Meta mistoqsi dwar jekk Daphne Caruana Galizia għandiex tkun arrestata wara li rrifjutat li tidher quddiem l-inkjesta li qed jagħmel il-Maġistrat dwar allegazzjonijiet hi stess, ir-reazzjoni ta’ Simon Busuttil kienet:
“Jekk trid parir legali aħjar issaqsi avukat”
Hawn kien innotat mill-ġurnalisti li Busuttil innifsu avukat u ma naqsitx it-tbissima ta’ xi tnejn li ma setgħux jemmnu dak li semgħu. Reġgħu kienu d-diversi ġurnalisti li saqsew għall-provi u r-risposta kienet:
“Il-provi għandu jġibhom il-Prim Ministru Joseph Muscat”
Fil-konferenza tal-aħbarijiet Busuttil reġa’ għamel appell biex in-nies jattendu l-mass meeting tal-Partit Nazzjonalista u qal li l-Prim Ministru għandu jirriżenja.