Għal sena oħra l-Ministeru għall-Affarjiet Barranin ġedded l-impenn tiegħu favur l-implimentazzjoni tal-assistenza tal-iżvilupp permezz ta’ skema ta’ ko-finanzjament lill-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi għall-Iżvilupp (NGDOs), fl-isforzi tagħhom biex jgħinu nies vulnerabbli madwar id-dinja. Waqt iċ-ċerimonja tal-preżentazzjoni taċ-ċekkijiet ġewwa l-Ministeru, tnax-il proġett minn organizzazzjonijiet differenti ġew ko-finanzjati bħala parti mill-politika tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp tal-Gvern ta’ Malta.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George W. Vella, f’diskors lir-rappreżentanti tal-NGDOs irrikonoxxa x-xogħol importanti illi jagħmlu dawn l-organizzazzjonijiet f’komunitajiet differenti madwar id-dinja biex jiġi meqrud il-faqar.
Din is-sena, il-Ministeru għall-Affarjiet Barranin ħareġ is-somma totali ta’ €251,862.16 għal dawn il-proġetti li ser isiru f’pajjiżi fl-Afrika, l-Asja, u l-Amerika t’Isfel.
Il-Ministru Vella qal li Malta, li bħalissa qed tokkupa l-kariga tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE, qed taħdem sabiex tilħaq ftehim dwar il-Kunsens il-ġdid tal-Unjoni Ewropea dwar l-Iżvilupp, hekk biex ikun konformi mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li timmira li teqred il-faqar fil-forom kollha tiegħu. Din tinkludi 17-il Mira għal Żvilupp Sostenibbli li għandhom l-għan li jsaħħu l-komunitajiet fuq bosta livelli.
Il-Ministru qal li s-suċċess ta’ dawn il-proġetti ser iħallu impatt wiesa’ fuq il-ħajja ta’ bosta persuni minn madwar id-dinja kif ukoll fuq il-futur ta’ bosta komunitajiet.