- Għotja ta’ darba għal vetturi reġistrati u liċenzjati għal użu personali
Transport Malta bagħtet 6,827 formola għall-applikazzjoni lis-sidien ta’ vetturi li ġew irreġistrati bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2006 u li huma eliġibbli għar-rifużjoni ta’ taxxa.
Dawn is-sidien huma mitluba jissottomettu din l-applikazzjoni sat-28 t’April 2017. Hekk kif ġie mħabbar fl-aħħar Baġit, il-Gvern ser ikun qed jirrifondi l-ekwivalenti għall-ammont ta’ VAT li ġie mħallas fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni lil sidien ta’ vetturi li rreġistraw il-vettura tagħhom bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2006.
Minn dan it-total jitnaqqas l-ammont ta’ €110 f’każ ta’ vetturi jew €55 f’każ ta’ muturi, li diġa’ tħallas lura fl-2014 meta din l-iskema ġiet mħabbra għall-ewwel darba fis-sena 2014.
Dan l-ammont ser jitħallas f’pagament wieħed permezz ta’ ċekk, li ser jintbagħat fl-indirizz provdut fuq il- formola tal-applikazzjoni, fix-xhur li ġejjin. L-istess proċess japplika għas-snin konsekuttivi għall-vetturi rreġistrati sas-sena 2008.
Biex tiġi pproċessata l-applikazzjoni, is-sidien għandhom jivverifikaw id-dettalji personali tagħhom, jiffirmaw u jibgħatu l-formola tal-applikazzjoni lura lil Transport Malta sa mhux aktar tard mid-28 ta’ April 2017 fuq wieħed minn dawn l-indirizzi:
- Għotja ta’ Darba Transport Malta A3 Towers, Triq l-Arkata, Raħal Gdid
- Għotja ta’ Darba Ministeru Għal Għawdex Pjazza San Franġisk, Rabat, Għawdex
Dokumenti meħtieġa mal-Formola tal-Applikazzjoni:
a) Ma tinħtieġ l-ebda dokumentazzjoni oħra f’każ li l-applikant ikun qed jibgħat il-formola tal- applikazzjoni f’ismu/f’isimha;
b) F’każ li l-persuna eleġibbli ġiet nieqsa, l-eredi għandu jimla d-dettalji tiegħu f’din l-applikazzjoni u għandu jibgħat ukoll dikjarazzjoni magħmula minn nutar, fejn jiġi kkonfermat li huwa l-persuna eleġibbli għall- iskema.
c) F’każ li persuna biddel ir-residenza tiegħu f’dawn l-aħħar snin u kien irreġistra vettura bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2006 iżda ma’ rċeviex applikazzjoni għandu jikkuntatja lil Transport Malta fuq in-numri ta’ hawn taħt.
Sidien ta’ vetturi li kienu rreġistraw vettura għall-użu personali bejn il-perjodu ta’ l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2006 u li huma eleġibbli għall-iskema iżda li ma kienux applikaw matul is-snin ta’ qabel, jistgħu xorta jissottomettu formola tal-applikazzjoni li tinkiseb minn Transport Malta, sad-28 ta’ April 2017.