Matul dawn l-aħħar ġranet, jidher illi kien hemm żieda fl-ammont ta’ telefonati lil persuni privati minn individwi li kienu qed jintroduċu ruħhom li qed iċemplu f’isem il-kumpanija Microsoft.
F’dawn it-telefonati, dawn l-individwi li mhumiex minn Microsoft, qed jgħidu lin-nies li l-kompjuters tagħhom huma vulnerabbli u li jista’ jkun għandhom xi virus u qed joffru li jibgħatulhom email b’link biex b’hekk jiksbu aċċess għall-kompjuter tal-persuna. Imbagħad jirrakkomandaw lill-persuna biex tixtri anti-virus software sabiex issewwi l-problema u jitolbuhom id-dettalji tal-Credit Card.
Fi stqarrija Microsoft qalet li tifhem li bħalissa hemm ħafna nies li huma inkwetati minħabba dan li qed iseħħ u fil-fatt, qed ikunu ħafna dawk li jċemplu fl-uffiċji ta’ Microsoft f’Malta sabiex jiċċekkjaw jew jivverifikaw dawn it-telefonati.
Avżat lill-pubbliku ġenerali li bħala kumpanija, qatt ma tikkuntattja lil nies b’mod privat, la bit-telefon u lanqas bl-email u mhux fil-kompitu tagħha li tagħti pariri jew tbiegħ prodotti bit-telefon.
Kull min jirċievi dawn it-telefonati huwa mħeġġeġ li ma jagħtix każ tagħhom għaliex dawn huma telefonati foloz. Tajjeb ukoll li kull min jirċievi din ix-xorta ta’ telefonati, jirrapporta lill-awtoritajiet tal-pulizija speċjalment f’każ li xi ħadd ikun laħaq ta xi informazzjoni personali jew sensittiva. F’każ li jkunu ingħataw xi dettalji ta’ credit cards, tajjeb ukoll li tavżaw lill-Bank.