F’Kastilja tlaqqa’ għall-ewwel darba il-Kunsill tar-Regolaturi taħt it-tmexxija tal-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u t-Tnaqqis tal-Burokrazija Anthony Agius Decelis.
Dan il-Kunsill li qed ilaqqa’ r-regolaturi kollha biex jikkordinaw aħjar il-ħidma tagħhom kien propost li jitwaqqaf fl-elfejn u ħdax bħala parti mill-Att dwar l-intrapriżi ż-żgħar u medji, iżda kien issa bir-rieda ta’ dan il-Gvern li beda jiltaqa’.
Fil-ftuħ ta’ din il-laqgħa, iċ-Chairman Anthony Agius Decelis spjega kif bil-liġi, dan il-Kunsill għandu mandat biex jiltaqa’ tlett darbiet f’sena u saħaq li fejn hemm materji li r-regolaturi għadhom ma indirizzawx dawn jiġu indirizzati f’qafas regolatorju li jiltaqa’ taħt kappa waħda.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li filwaqt li s-servizz għaċ-ċittadin qed jiġi ċentralizzat għall-aktar effiċjenza m’huwiex il-ħsieb tal-Gvern li dan il-Kunsill itellef l-awtonomija lir-regolaturi.
Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-Simplifikazzjoni Amministrattiva Deborah Schembri spjegat li l-Kunsill tar-Regolaturi għandu rwol konsultattiv għal-Gvern u jeħtieġ jindirizza anomaliji li jeżistu f’materji fejn regolatur jirfes lil ieħor.
Fil-preżenza tar-rappreżentanti tar-regolaturi tkellem ukoll il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona li saħaq li din l-amministrazzjoni kellha r-rieda li timplimenta riformi kbar.
Huwa semma għadd ta’ riformi bħal dik fil-ħinijiet tal-ħwienet li jistgħu joperaw fil-ħdud u tkellem ukoll fuq inċentivi fiskali għall-familji fin-negozju.
Il-Ministru Cardona qal li dan kollu seħħ għax il-Gvern kellu r-rieda biex jimplimenta u appella lil dan il-Kunsill tar-Regolaturi biex jiżviluppa miżuri t’effiċjenza ħalli ċ-ċittadin jirċievi l-aħjar servizz possibli.