Waqt l-“Urbi et Orbi” f’Ħadd il-Għid, il-Papa Franġisku uża l-indirizz tiegħu biex jikkundanna l-attakk li sar fuq karozza tal-linja li kienet qed iġorr persuni evakwati minn bliet Sirjani viċin Aleppo.
Preżenti jisimgħu l-indirizz tal-Papa kien hemm eluf ta’ nies li nġabru fi pjazza San Pietru fil-Vatikan.
Il-Papa qal li l-attakk li qatel aktar minn 100 persuna viċin il-belt ta’ Aleppo kien biss wieħed minn numru ta’ attakki li saru fuq refuġjati li kienu qed ifittxu l-ażil. Huwa tkellem ukoll kontra t-terroriżmu u l-koruzzjoni.
Il-Papa Franġisku saħaq kontra t-traffikanti tal-ħażen u fakkar l-importanza ta’ dawk b’qalb ġenwina. Faħħar u talab kontinwament għal dawk li f’ħajjithom qed jibnu l-pontijiet metaforiċi ta’ ħbiberija, li jaħdmu għall-libertajiet tad-drittijiet kollha, u għat-tisħiħ tad-demokrazija.
Il-Papa Franġisku ftakar f’dawk imwarba, li jinsabu mitlufa fid-deżert ta’ ħajja mgħaġġla u moderna. Ftakar f’dawk li bl-ikbar imħabba ifittxu lil min hu mġarraf li rrifjutaw li jinħakmu mill-ħażen soċjali bħal gwerer u drogi.
Il-mewt ta’ Ġesu għalhekk saret, qal il Papa, biex ragħaj tajjeb anke fil-ġranet mqalba tal-lum jagħti id ta’ ħbiberija lil min għaddej minn xi mewġa ta’ inkwiet.
Fuq kollox, irrefera għal bżonn li niftakru u jekk hemm bżonn nibnu pontijiet ma’ dawk imġarba fil-gwerer, dawk li sofrew inġustizzji.
Fl-indirizz tiegħu fil-Ġimgħa l-Kbira l-Papa stqarr li jistħi mill-iskandli ta’ abbuż minn membri tal-Knisja.