F’mument fejn jinsabu taħt pressjoni bla preċedent, l-istrateġisti tal-Partit Nazzjonalista qablu li fil-jiem li ġejjin għandu jinfetaħ attakk bla skrupli fuq esponenti tal-Gvern bit-tama li l-firda interna li reġgħet kibret fl-aħħar jiem tikkalma xi ftit. Il-Kap tal-Oppożizzjoni jrid jipprova jgħaqqad il-grupp b’attakk fuq il-Gvern biex meta u fejn isib l-oppożizzjoni interna, li qed tkun sikwit, ikun jista’ jirrikatta ld-deputati, li bl-aġir tagħhom ikunu qed ipaxxu lill-Gvern u l-għemil tal-membri tiegħu li skont dak ivvintat minn Busuttil, huwa aġir skandaluż. Għal darb’oħra, ċentrali f’din l-istrateġija se jkun hemm Daphne Caruana Galizia li mal-ewwel kitbiet minn dak ippjanat diġà dabbret żewġ libelli, wieħed miċ-chief of staff tal-Prim Ministru u ieħor mill-Ministru Konrad Mizzi.
Minkejja dan, l-istrateġisti tal-PN qalu li għandhom jibqgħu għaddejin bil-pjan tagħhom għaliex b’mod jew ieħor trid tinbidel ix-xejra ta’ din is-sena wara li fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena l-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, kellu jaffaċċja kriżi wara oħra.
L-ewwel l-iskandlu tal-Löwenbräu, imbagħad dak tad-donazzjonijiet u l-invoices foloz u issa l-firda kbira minħabba l-mod kif ftiehem minn wara l-grupp parlamentari u esponenti tal-Partit Nazzjonalista dwar l-għaqda mal-Partit Demokratiku ta’ Marlene Farrugia. Saħansitra Farrugia u uffiċjali oħra tal-Partit Demokratiku ħabbru parti mill-ftehim mingħajr ma kienu jafu dwaru l-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista. Fosthom dak li l-kandidati tal-PD se jkunu fuq l-istess lista tal-PN u se jkunu fuq l-istess manifest.
Dwar dan għandu oppożizzjoni kbira minn kandidati fil-ħames distrett, fosthom Toni Bezzina u Herman Schiavone. Iżda, mhux biss.
Tant li l-Ħamis one.com.mt żvela kif il-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li ltaqa’ l-Erbgħa filgħaxija kien maqsum. Matulu spikka wkoll is-silenzju tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario Demarco.
Claudio Grech u Marthese Portelli kienu fil-bini tal-Parlament fejn kienet qed issir il-laqgħa tal-grupp iżda għal xi raġuni ma daħlux għal-laqgħa. Fost deputati li m’attendewx kien hemm ukoll min qal li mhux lest jieħu sehem f’laqgħa dwar suġġett fejn kollox kien deċiż minn wara daharhom.
Fost dawk li tkellmu kontra l-ftehim kif imħabbar minn Marlene Farrugia kien hemm deputati Nazzjonalisti ta’ esperjenza bħall-eks Ministri Tonio Fenech, Carm Mifsud Bonnici, Ċensu Galea u Paula Mifsud Bonnici. Erba’ deputati bi tradizzjoni twila fil-Partit Nazzjonalista u li fil-grupp parlamentari tkellmu dwar is-saħħa u l-unur tal-partit li jagħmlu parti minnu.
Min-naħa l-oħra tkellmu favur il-proposta tal-kap kif diġà mħabbra minn Marlene Farrugia, Robert Arrigo u David Agius. Robert Arrigo kien fost dawk li l-iktar qalu li l-kap għandu jkun appoġġjat. U filwaqt li kien għaddej dan kollu, il-Viċi Kap Mario De Marco baqa’ fommu mitbuq. Biex il-kap ma setax iserraħ fuq l-appoġġ tan-numru tnejn fil-Partit Nazzjonalista.
ŻEWĠ LIBELLI LIL DCG
Qlajjiet ġodda ta’ Daphne Caruana Galizia kienu mwieġba fil-pront bl-aħbar li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi se jibdew kawżi ta’ libell meta nhar it-Tnejn terġa’ tiftaħ il-Qorti.
Caruana Galiza allegat li somom kbar ta’ flus għaddew f’kontijiet bankarji marbuta mal-kumpaniji ta’ Schembri u Mizzi. Xi ħaġa li ċaħdu t-tnejn li huma meta qalu li se jitolbu li l-libelli jinstemgħu b’urġenza.
Fi stqarrija, Keith Schembri fisser dak li kitbet Caruana Galizia bħala “allegazzjonijiet fabbrikati” li qed terġa’ tagħmel fil-konfront tiegħu.
“Jekk hija tant ċerta minn dak li qed tgħid għandha hi stess taqbel mal-urġenza biex il-provi ta’ dak li qed tgħid tkun tista’ tressaqhom malajr fil-Qorti. Min jagħmel allegazzjonijiet għandu d-dmir jissostanzjahom,” qal Schembri.
Schembri nnota kif it-taħwid intern fil-Partit Nazzjonalista se jiftaħ staġun ta’ gideb u aħbarijiet foloz.
“Determinat li ma nħallix iktar gideb u fabbrikar ta’ stejjer fuqi,” qal Schembri.
Caruana Galizia allegat ukoll li f’Settembru 2015 Konrad Mizzi mar fl-uffiċċju ta’ Pilatus Bank f’Ta’ Xbiex.
“Dawn l-allegazzjonijiet huma foloz,” intqal fi stqarrija ta’ Mizzi bi spjegazzjoni skjetta.
“Ebda somma flus qatt m’għaddiet lil Hearnville Inc. Fil-fatt, Hearnville Inc qatt ma kellha kont bankarju,” kompla jkun spjegat fl-istqarrija ta’ Mizzi.
“Daphne Caruana Galizia qed tigdeb sfaċċatament,” kompla jingħad.
L-istqarrija għamlet ukoll referenza lejn kif waħda mill-ikbar kumpaniji ta’ awditjar fid-dinja, Crowe Horwath, għamlet audit tal-kumpanija ta’ Mizzi u t-trust fi New Zealand u din ikkonfermat dak li kien qal hu fosthom li l-istruttura li kien għamel kienet maħsuba biss bħala trust tal-familja u li ma kien hemm ebda kontijiet bankarji bħala parti mit-trust jew il-kumpanija.