Bħala parti mid-deal li sar bejn Marlene Farrugia u Simon Busuttil, hemm il-wiegħda li jekk Marlene Farrugia ma tkunx eletta fil-parlament, din tkun coopted mill-Partit Nazzjonalista u tieħu siġġu xorta. Żvelat dan il-gazzetta t-Torċa li kompliet toħroġ dettalji mil-laqgħa tal-grupp parlamentari ta’ nhar l-Erbgħa li għadda. Biex dan isir ma ssirx by election fuq id-distrett ta’ xi ħadd li jkun tela’ minn żewġ distretti u ċeda siġġu. Skont it-Torċa din kienet waħda mill-affarijiet li ġabu rabja kbira fil-grupp parlamentari li ltaqa’ l-Erbgħa u li skont dak żvelat minn one news iktar kmieni din il-ġimgħa kien wieħed imqalleb.
U biex jgħaqdu l-grupp f’mument fejn jinsabu taħt pressjoni bla preċedent, l-istrateġisti tal-Partit Nazzjonalista qablu li fil-jiem li ġejjin għandu jinfetaħ attakk bla skrupli fuq esponenti tal-Gvern, bit-tama li l-firda interna li reġgħet kibret fl-aħħar jiem tikkalma xi ftit.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jrid jipprova jgħaqqad il-grupp b’attakk fuq il-Gvern biex meta u fejn isib l-oppożizzjoni interna, li qed tkun sikwit, ikun jista’ jirrikatta ld-deputati, li bl-aġir tagħhom ikunu qed ipaxxu lill-Gvern u l-għemil tal-membri tiegħu li skont dak ivvintat minn Busuttil, huwa aġir skandaluż.
Għal darb’oħra, ċentrali f’din l-istrateġija se jkun hemm Daphne Caruana Galizia li mal-ewwel kitbiet minn dak ippjanat diġà dabbret żewġ libelli, wieħed miċ-chief of staff tal-Prim Ministru u ieħor mill-Ministru Konrad Mizzi.
Minkejja dan, l-istrateġisti tal-PN qalu li għandhom jibqgħu għaddejin bil-pjan tagħhom għaliex b’mod jew ieħor trid tinbidel ix-xejra ta’ din is-sena wara li fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena l-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, kellu jaffaċċja kriżi wara oħra.
L-ewwel l-iskandlu tal-Löwenbräu, imbagħad dak tad-donazzjonijiet u l-invoices foloz u issa l-firda kbira minħabba l-mod kif ftiehem minn wara l-grupp parlamentari u esponenti tal-Partit Nazzjonalista dwar l-għaqda mal-Partit Demokratiku ta’ Marlene Farrugia. Saħansitra Farrugia u uffiċjali oħra tal-Partit Demokratiku ħabbru parti mill-ftehim mingħajr ma kienu jafu dwaru l-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista. Fosthom dak li l-kandidati tal-PD se jkunu fuq l-istess lista tal-PN u se jkunu fuq l-istess manifest.
Dwar dan għandu oppożizzjoni kbira minn kandidati fil-ħames distrett, fosthom Toni Bezzina u Herman Schiavone. Iżda mhux biss.
Tant li l-Ħamis, one.com.mt żvela kif il-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li ltaqa’ l-Erbgħa filgħaxija kien maqsum. Matulu spikka wkoll is-silenzju tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario Demarco.
Claudio Grech u Marthese Portelli kienu fil-bini tal-Parlament fejn kienet qed issir il-laqgħa tal-grupp iżda għal xi raġuni ma daħlux għal-laqgħa. Fost deputati li m’attendewx kien hemm ukoll min qal li mhux lest jieħu sehem f’laqgħa dwar suġġett fejn kollox kien deċiż minn wara daharhom.
Fost dawk li tkellmu kontra l-ftehim kif imħabbar minn Marlene Farrugia kien hemm deputati Nazzjonalisti ta’ esperjenza bħall-eks Ministri Tonio Fenech, Carm Mifsud Bonnici, Ċensu Galea u Paula Mifsud Bonnici. Erba’ deputati bi tradizzjoni twila fil-Partit Nazzjonalista u li fil-grupp parlamentari tkellmu dwar is-saħħa u l-unur tal-partit li jagħmlu parti minnu.
Min-naħa l-oħra tkellmu favur il-proposta tal-kap kif diġà mħabbra minn Marlene Farrugia, Robert Arrigo u David Agius. Robert Arrigo kien fost dawk li l-iktar qalu li l-kap għandu jkun appoġġjat. U filwaqt li kien għaddej dan kollu, il-Viċi Kap Mario De Marco baqa’ fommu mitbuq. Biex il-kap ma setax iserraħ fuq l-appoġġ tan-numru tnejn fil-Partit Nazzjonalista.