Mil-lum daħlu fis-seħħ għall-ewwel darba fl-istorja legali ta’ pajjiżna Regolamenti dwar il-Proċedura waqt l-Interrogazzjoni ta’ Persuni Suspettati u Persuni Akkużati li jikkumplimentaw riformi fil-Kodiċi Kriminali li saru f’Novembru li għadda sabiex jiddaħħal id-dritt li persuna suspettata jew akkużata jkollha avukat magħha waqt l-interrogatorju.
Fi stqarrija l-Ministeru għall-Ġustizzja qal li r-regolamenti jkomplu jimplimentaw fid-dettall id-dritt għall-assistenza legali waqt l-interrogatorju u saru bi qbil mal-Kamra tal-Avukati u l-Korp tal-Pulizija. Dawn ir-regolamenti se jkomplu jsaħħu d-drittijiet taċ-ċittadin fl-iktar mument li jkun vulnerabbli waqt li jkomplu jressqu s-sistema tal-ġustizzja ta’ pajjiżna lejn standards Ewropej u internazzjonali. Fl-istess nifs ir-regolamenti jagħtu l-għodod neċessarji sabiex l-investigazzjonijiet ma jiġux imxekkla mingħajr bażi jew b’mod fieragħ u sabiex tiġi assigurata l-aqwa ħidma fil-ġlieda kontra l-kriminalità.
Ir-regolamenti jipprovdu għal żmien ta’ siegħa, li fiha persuna arrestata tkun tista’ tikkommunika mal-avukat tagħha, jew fil-preżenza tiegħu jew bit-telephone, qabel ma tibda l-interrogazzjoni.
Jipprovdu wkoll għal proċedura biex jissejjaħ l-avukat tal-għażla tal-arrestat u b’ mod partikolari jagħtu żmien massimu ta’ sagħtejn sabiex l-avukat jattendi u jagħti l-assistenza tiegħu. Fuq kollox ir-regolamenti jipprovdu biex l-avukat ikun ukoll preżenti waqt l-interrogazzjoni. Huma jipprovdu wkoll għas-sejħa tal-Avukat għall-Għajnuna Legali tal-għassa fil-każ li l-avukat tal-għażla tal-arrestat ma jattendix jew fil-każ illi l-persuna arrestata ma jkollhiex avukat. Ir-regolamenti jipprovdu wkoll dwar l-imġiba kemm tal-Avukat u kemm tal-Uffiċjal Investigatur waqt l-interrogatorju.
Avukat ma jistax jaġixxi b’tali mod li jfixkel lil min jagħmel l-interrogazzjoni milli jkun jista’ jagħmel mistoqsijiet kif suppost lill-persuna suspettata jew akkużata jew jinterrompi l-interrogazzjoni milli sseħħ.
Lanqas ma jista’ l-avukat iwieġeb mistoqsijiet f’isem il-klijent tiegħu jew jaġixxi bi kwalunkwe mod li jipprevjeni, jindaħal jew mingħajr raġuni jostakola l-interrogazzjoni xierqa tal-persuna suspettata jew tal-persuna akkużata jew iwaqqaf ir-risposti tal-persuna suspettata jew persuna akkużata milli jiġu reġistrati jew b’xi mod ifixkel kull att ta’ investigazzjoni jew ġbir ta’ provi. Min jagħmel l-interrogazzjoni, jekk ikun tal-fehma li l-avukat qed jaġixxi b’imġiba mhux xierqa waqt l-interrogazzjoni, għandu jwissi lill-avukat li jekk ma jġibx ruħu sewwa, allura min jagħmel l-interrogazzjoni jkollu jitlob lill-avukat sabiex jitlaq jew jitneħħa mill-kamra fejn tkun qed isseħħ l-interrogazzjoni. F’dak il-każ ikun jista’ jitqabbad avukat ieħor jew l-Avukat għall-Għajnuna Legali biex l-assistenza waqt l-interrogatorju tkompli.
Min-naħa l-oħra, jekk l-avukat jallega li kien hemm xi irregolarità waqt l-interrogazzjoni, jew li kien hemm imġiba ħażina min-naħa ta’ min għamel l-interrogazzjoni, huwa għandu jippreżenta rapport bil-miktub lill-Maġistrat tal-Għassa fi żmien tmienja u erbgħin siegħa mill-konklużjoni tal-interrogazzjoni jew minn meta kien mistoqsi biex jitlaq ’il barra mill-interrogazzjoni jew minn meta huwa ddeċieda li jitlaq ’il barra mill-interrogazzjoni. Il-Maġistrat għandu jinvestiga tali rapport u jieħu dik l-azzjoni li jidhirlu li tkun xierqa fiċ-ċirkustanzi inkluż li, jekk hekk jiddeċiedi,li jippreżenta r-rapport tiegħu fl-atti tal-proċedimenti relattivi għall-persuna suspettata jew akkużata jew jirrapporta l-kwistjoni lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali jew jieħu ż-żewġ miżuri msemmija.
Ir-regolamenti jipprovdu wkoll illi l-interrogazzjonijiet għandhom isseħħu fi kmamar għall-interrogazzjonijiet li jkunu adegwatament imsaħħna jew imkessħa, skont kif ikun il-każ, kif ukoll adegwatament imdawla. Huwa provdut ukoll li jkun hemm irrekordjar tal-interrogatorju.
Kif huwa ukoll provdut fid-Direttiva tal-Unjoni Ewropeja fuq is-suġġett, “interrogazzjoni” ma tinkludix interrogazzjoni preliminari mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi li l-għan tagħha jkun li tidentifika l-persuna kkonċernata, li tivverifika l-pussess ta’ armi jew kwistjonijiet simili oħra ta’ sikurezza jew li tiddetermina jekk għandhiex tinbeda investigazzjoni, per eżempju waqt li jsir kontroll fit-triq, jew matul kontrolli regolari għall-għarrieda meta persuna suspettata jew akkużata ma tkunx għadha ġiet identifikata.