Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem illum iddeċidiet li r-Russja naqset milli tipproteġi l-ostaġġi waqt attakk fi skola f’Beslan. Dakinhar fl-2004, madwar 330 persuna mietu, 186 minnhom tfal.
Ribelli Ċeċeni kienu ħadu aktar minn elf persuna ostaġġ dakinar. L-istorja kerha ntemmet meta forzi Russi daħlu fil-binja, imma l-operazzjoni kellha ħafna affarijiet li marru jew kienu pjanati ħażin. Dawk li għexu jirrakkontaw li t-truppi użaw forza eċċessiva fl-operazzjoni tagħhom.
Dakinhar, irġiel u nisa libsin maskli u ċintorini bi splussivi daħlu fl-iskola u għamlu massakru fil-post fejn it-tfal kienu miġbura għal ċerimonja li mmarkat l-ewwel jum tal-iskola. Ir-ribelli riedu l-irtirar ta’ truppi Russi miċ-Ċeċnija. L-assedju ntemm fit-tielet jum tiegħu, b’żewġ splużjonijiet kbar u ħafna sparar; xena li min għexa qal li kienet kaotika għall-aħħar.
Investigazzjoni Russa dwar kif saret l-operazzjoni ta’ salvataġġ kienet twaqqfet ħesrem, u għalhekk madwar 400 persuna marru għand il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Din tal-aħħar ikkonkludiet li għalkemm ir-Russja kellha biżżejjed informazzjoni li kien attakk ippjanat f’dik iz-zona speċifika, ma ttieħdux il-miżuri neċessarji. Per eżempju militanti ma kienux projbiti milli jivjaġġaw fil-jum tal-attakk.
Il-Qorti għarfet ukoll li ntużaw armi b’saħħithom ħafna biex inħelsu dawk miżmuma, tant li żdied sew l-ammont ta’ mejta. Ir-Russja se jkollha tħallas 2.9 miljun Ewro f’kumpens lill-vittmi, skont il-Qorti Ewropea, li però ma tistax tinforza d-deċiżjoni tagħha direttament. Il-Gvern Russu rreaġixxa billi qal li din hija deċiżjoni kompletment inaċċettabbli.