Il-proġett tal-Kappara miexi. Hawn tista’ tara l-wasla ta’ sittax-il struttura tal-ħadid imsejħa girders.
F’dawn l-aħħar xhur, kumpanija fi Spanja ħadmet it-travi tal-ħadid li ser ikunu parti mill-qiegħ tal-pont. Tmint itravi għal kull direzzjoni ser jitqiegħdu fuq il-kolonni tul il-flyover. L-itwal travu huwa twil mat-30 metru.
Il-kumpanija Spanjola li ħadmet it-travi bgħatithom bil-baħar minn La Coruña fi Spanja għal Malta. Dawn it-travi tal-ħadid waslu fejn qabel kienet is-Ship Building u trejlers kbar se jġorruhom għall-Kappara.
Il-kobor tagħhom hija sfida u għalhekk Transport Malta fasslet pjan ta’ rotta li kien ipprovat qabel. It-trejlers jitilqu mill-Marsa u jgħaddu minn Triq il-Labour, Triq Aldo Moro, mill-bypass tal-Marsa-Ħamrun, Triq Reġjonali u Triq Mikiel Anton Vassalli.
It-trejler ser isuq fuq il-karreġġjata tal-lemin tat-triq għax huwa iktar faċli biex jimmanuvra b’dak il-kobor. It-triq ser tkun magħluqa f’partijiet biex is-sewwieqa jgħaddu minn toroq alternattivi bl-inqas inkonvenjent.
Meta jaslu t-travi għall-proġett, it-trejlers ser iġorru minn travu sa tnejn kull lejl. Ħaddiema mill-kumpanija Spanjola li bniethom se jiwweldjaw it-travi fuq il-post mill-ewwel. Aktar dettalji se jingħataw kif toqrob id-data.