Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal fil-Parlament li l-iskola Iżlamika ‘Mariam Al Batool’, l-unika skola Iżlamika f’Malta, se tkompli topera u toffri edukazzjoni lit-tfal fil-livell ta’ kindergarden u l-livell primarju.
Meta wieġeb mistoqsija tad-deputat nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici, il-Ministru Bartolo qal li madankollu, l-istudenti tal-middle-school u tas-sekondarja se jkollhjom imorru fi skejjel oħra għax l-ispazju fil-kumpless preżenti huwa żgħir wisq.
Huwa spjega li l-komunità li tmexxi din l-iskola marret għand il-gvern preżenti u qaltlu li l-ispazju tal-iskola sar żgħir wisq.
“Biex inħarsu l-liġi u r-regolamenti tas-sigurtà tas-saħħa fl-iskejjel, dik l-iskola għandha wisq tfal għal dak il-bini. Dal-gvern iddeċieda li jagħti lill-iskola somma flus biex jibni estensjoni biex it-tfal tas-sekondarja jkunu jistgħu joqgħodu kif suppost.”
Il-Ministru qal li l-art mhux tal-komunità li tmexxi l-iskola u anqas hija tal-gvern iżda hija art diplomatika u l-permess biex issir dik l-estensjoni ma wasalx.
“Il-flus li konna vvutajtna biex dik l-iskola tista’ tikber ma setgħux jintużaw. Ħallinihomlhom għax xorta għandha l-bżonnijiet.”
Il-Ministru Bartolo qal li r-relzzjonijiet tal-gvern mat-tmexxija tal-iskola u l-ġenituri tat-tfal huma tajbin ħafna. Id-deċizjoni hija li l-kindergarten u l-primarja se jibqgħu hemm u l-middle school ’il fuq imorru fi skejjel oħra.