L-Uffiċju tal-Prim Ministru rreaġixxa għat-talba li l-PN għamel f’konferenza tal-aħbarijiet; li tkun ippubblikata x-xhieda kollha tal-inkjesta dwar allegat każ ta’ traffikar tad-droga f’Għawdex.
L-Uffiċju tal-Prim Ministru wieġeb: “Dak li qed titlob l-Oppożizzjoni, li tiġi ppublikata x-xhieda kollha mogħtija fl-inkjesta, imur kontra l-prassi fl-inkjesti ġudizzjarji u amministrattivi u m’għandux isir ukoll skont pariri tal-Avukat Ġenerali.
Kif isir fil-każ t’inkjesti Maġisterjali, ix-xhieda f’inkjesta amministrattiva taħt l-Att dwar l-Inkjesti, tingħata fil-magħluq u ma tiġix ppubblikata. Dan ukoll biex ma jiġix ppreġudikat id-dritt għas-smiegħ xieraq f’kawżi pendenti jew li jkunu jistgħu jsiru fil-futur dwar il-fatti li jkunu jiffurmaw is-suġġett tal-inkjesta u biex ma jiġux ppreġudikati lanqas id-drittijiet ta’ terzi persuni li jistgħu jkunu ssemmew mingħajr ma kellhom l-opportunità li jagħmlu l-kontroezami lix-xhieda.
Il-prassi li jiġu ppubblikati l-inkjesti li jsiru b’sens ta’ trasparenza beda f’din il-leġislatura. B’hekk l-Oppożizzjoni ma tista’ qatt tagħti lezzjonijiet dwar trasparenza. Aħseb u ara kemm tista’ tkun f’pożizzjoni li titlob li jinkisru prassi ġudizzjarji skont il-pariri legali prevalenti.”