Ġlieda vjolenti f’bus stop f’Ħaż Żabbar li seħħet tlettax-il sena ilu wasslet biex tliet nisa spiċċaw il-Qorti. Tnejn minnhom huma akkużati li kkaġunaw ġrieħi serji lit-tielet waħda, li damet ftit biex ġiet f’tagħha wara li seħħet il-ġlieda.
Carmen Ellul ta’ 61 sena u oħtha Josephine Psaila ta’ 66 sena kienu akkużati li ħebew għal Michelina Bondin f’Mejju 2004.
Fil-Qorti ntqal li l-vittma kienet għadha kienet għadha kif telgħat fuq tal-linja meta ġiet wiċċ imb’wiċċ maż-żewġt’aħwa, li kienu nieżlin mill-istess xarabank. Waħda mill-aħwa għajret lill-vittma, li ħadet għaliha u qabdet lill-oħra l-oħra minn xagħarha u kaxkritha barra minn tal-linja. Minn hemm spiċċaw jiġġieldu sew, sakemm Michelina Bondin spiċċat mal-art taħt waħda mill-aħwa. Hija sofriet ksur f’sieqha u ttieħdet l-isptar b’ambulanza. Aktar tard kellha tagħmel operazzjoni.
Il-Qorti nnotat li waħda mill-aħwa, Josephine Psaila, mhux talli ma involvietx ruħha, talli kienet hi li ċemplet lill-Pulizija. Iżda l-oħra, Carmen Ellul, ingħatat sentenza ta’ 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin.