Komplew jixhdu aktar persuni fil-każ tal-omiċidju ta’ Roderick Grech, iż-żagħżugħ Naxxari ta’ sitta u għoxrin sena li miet jumejn wara li safa attakkat b’daqqiet ta’ mus.
Il-każ seħħ fid-29 ta’ Marzu, u Etienne Bartolo magħruf bħala “il-vojt” qed ikun akkużat bil-qtil. Akkużi li għalihom wieġeb mhux ħati.
Jean Pierre Pace, żagħżugħ minn Birkirkara li ta l-aħħar għajnuna lill-vittma, xehed kif fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu, iż-żagħżugħ beda jgħajjat għall-għajnuna u jirrepeti il-frażi “il-vojt”, għalkemm stqarr li dak il-ħin ma tax kas x’ried ifisser biha.
Filfatt fil-Qorti stqarr li dak il-ħin għannaq lill-vittma u bieslu rasu bħala att ta’ wens, u ma fhemx li l-vittma seta kien qed jirreferi għal-laqam ta’ min allegatament pprova joqtlu.
Xehdet ukoll Moira Cortis – Pulizija li dak il-ħin ma kinitx xogħol, iżda li tgħix fl-inħawi; u qalet kif dak il-ħin semgħet brejkijiet tal-karozza, ħorn u għajjat.
Meta ħarġet tara x’ġara, rat raġel miexi fit-triq iżomm żaqqu u jibki jgħajjat għall-għajnuna. Hija ċemplet lill-Pulizija għall-għajnuna.
Xhud ieħor kien Gejtu Bonnici, raġel li jgħix fil-blokka t’appartamenti fejn daħal jistkenn il-vittma, u xehed kif meta ħareġ mill-appartament wara li ħabbtulu l-Pulizija, ra d-dmija mal-bieb u l-poġġaman tat-taraġ.
Meta l-Pulizija staqsewh jekk ħabbatlux xi ħaddieħor matul il-lejl, qal li le.
Xehed ukoll raġel residenti Birżebbuġa li rrakkonta kif meta kien għaddej mit-triq, ra persuna mal-art u ieħor jipprova jgħinu.
Xehed kif għall-ewwel ħaseb li kien xi ħadd fis-sakra, iżda mbagħad għadda minn ħdejhom bil-karozza, u meta ra d-demm mal-art ħareġ basket tal-karti mill-karozza u beda jgħafsu fuq sidru biex jipprova jżomm id-demm milli joħroġ.
Il-każ ikompli.