Fi stqarrija l-Ministeru għall- Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali qal li l-Oppożizzjoni bħalissa għaddejja b’eżerċizzju malizzjuż biex toħloq dubju fis-serjetà tas-sistema tal-Karti tal-Identità f’pajjiżna, meta jafu li ma hemm ebda kriżi u jafu li l-istrutturi li hemm fi ħdan Identity Malta huma serji u jiggarantixxu li s-sistema tassigura s-serjetà.
Ilbieraħ filgħaxija, tgħid l-istqarrija, Dr Beppe Fenech Adami reġa’ rrepeta fil-Parlament dak li diġà kien imsemmi fil-laqgħa li l-Ministru Owen Bonnici u l-ogħla uffiċjali tal-Aġenzija Identity Malta kellhom mal-edituri ta’ The Malta Independent u ma qal assolutament xejn ġdid.
“Li nesa jgħid Dr Fenech Adami hu li l-Gvern preżenti ħa ħsieb li jara li kull ċittadin f’pajjiżna jkollu Karta tal-Identità valida wara li kienu tħallew jiskadu sena wara l-oħra fi żmien amministrazzjoni preċedenti. Dr Fenech Adami nesa wkoll jgħid li s-sistema tal-Karti tal-Identità ġiet ċċertifikata bħala waħda tajba skont standards Ewropej.
Skont Dr Beppe Fenech Adami s-suppost kriżi fi ħdan is-sistema tal-Karti tal-Identità ddur ma’ żewġ persuni Maltin u ieħor barrani (li lanqas biss jivvota fl-elezzjonijiet ġenerali u li m’hu veru xejn li għandu żewg permessi validi ta’ residenza) u li huma każijiet li diġà kienu ssemmew.
Fil-każ ta’ żewg ċittadini Maltin, t-tnejn jappartjenu għal kategorija ristretta li għandhom l-Karta tal-Identità tagħhom tispiċċa bil-“P”. Dan għaliex ma kellhomx il-possibbiltà li jippreżentaw iċ-ċertifikat tat-twelid, b’wieħed minnhom, kif diġà ngħad, inqabad mis-sistema interna ta’ verifika ta’ Identity Malta qabel mal-każ ħareġ fil-ġurnali u l-Kummissjoni Elettorali ġiet informata immedjatament. Il-każ l-ieħor li ssemma minn Dr Fenech Adami ironikament seħħ fi żmien Gvern preċedenti meta għal xi raġuni persuna ingħatat Karta tal-Identità fl-2007 u oħra fl-2008. Dan il-każ diġà ġie rrapurtat lill-Kummissjoni Elettorali.
Dr Beppe Fenech Adami semma wkoll każ ta’ persuni barranin li qabdu u niżżlu bħala indirizz proprjetà li mhijiex tagħhom. Il-Gvern jagħmilha ċara li fl-aħħar snin sar titjib qawwi fil-proċedura sabiex abbużi bħal dawn jiġu miġġielda u saru avvanzi kbar fis-sistema kif kienet qabel il-bidu ta’ din l-amministrazzjoni, kif jixhdu l-każijiet stess li semma Dr Fenech Adami fil-Parlament. Minn verifiki li saru, l-ewwel tliet persuni barranin użaw l-indirizz imsemmi minn Dr Fenech Adami f’permess ta’ residenza maħruġ lilhom fl-2006 u li skada fl-2007. Ir-raba’ persuna huwa immigrant irregolari mill-Eritrea bi protezzjoni umanitarja u qatt ma kellu karta ta’ residenza maħruġa minn Identity Malta. Dan l-indirizz imsemmi kien użat minnu fis-snin bejn l-2011 u l-2013.”
L-istqarrija ttemm tgħid li l-Oppożizzjoni għandha tkun iktar serja u matura fil-kritika tagħha u tieqaf tattakka bla rażan l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna għal għanijiet purament partiġġjani.