Kelliem għall-Kap tal-Oppożizzjoni qal mat-Times of Malta tal-bieraħ li sa issa ma kien imħabbar xejn dwar l-għaqda mal-Partit Demokratiku. Iżda l-membri ta’ dak li kien il-Partit Demokratiku qed ikomplu jiżvelaw dettalji li lanqas il-grupp parlamentari Nazzjonalista ma jaf bihom.
Il-kumment ta’ Busuttil mat-Times of Malta tal-Ħadd kien maħsub biex jikkalma ftit ir-rabja fil-Partit Nazzjonalista wara li l-istrutturi kienu għall-kollox injorati u ħadd ma kien ikkonsultat. Uffiċjali u deputat tal-Partit saru jafu li l-Partit Demokratiku ingħaqad fil-Partit Nazzjonalista mill-kummenti ta’ Marlene Farrugia u kien għalhekk li Busuttil kellu jipprova jikkalma l-ilmijiet.
Pero dan il-kumment jidher li ma tantx għamel differenza għall-membri ta’ dak li kien il-Partit Demokratiku, li llum għandhom lil Marlene Farrugia fit-tmexxija konġunta tal-Partit Nazzjonalista. Kiteb fit-Times of Malta tal-lum it-Tnejn Anthony Buttigieg u żvela għall-ewwel darba li se jkun hemm manifest elettorali komuni bejn iż-żewġ partiti.
Filwaqt li l-kandidati se jkunu taħt l-istess lista, dik blu tal-Partit Nazzjonalista, Anthony Buttigieg kiteb fit-Times of Malta li jekk tintrebaħ l-elezzjoni mill-Partit Nazzjonalista it-tmexxija tal-pajjiż se tieħu l-forma ta’ koalizzjoni. Skont hu, fil-Gvern ikollna żewġ partiti u mhux partit wieħed.
Saħansitra indika li kien hemm diskussjonijiet biex minflok il-Partit Nazzjonalista kif nafuh illum ikun hemm partit għall-kollox ġdid.
Pero kiteb ukoll li ma kienx hemm ċans għal dan u għalhekk ittieħdet l-ewwel għażla li tal-Partit Demokratiku jmorru fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista. Ikkonferma wkoll kif il-kandidati tal-Partit Demokratiku se jkunu fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista mingħajr ma joqogħdu għall-iskrutinju li qagħdu l-kandidati tal-PN.
“Aħna se nagħżlu l-kandidati tagħna, liema distretti jikkontestaw,” qal Buttigieg. Fl-aħħar mill-aħħar Buttigieg qal li dan kollu bejn il-Partit Nazzjonalista u dak li kien il-Partit Demokratiku huwa esperiment. Il-gazzetti tal-bieraħ lkoll irrapportaw kif internament fil-Partit NAzzjonalista hemm rabja għal dawn l-arranġamenti. Peró Simon Busuttil qed jiddefendi ruħu li biex jipprova jirbaħ lest jagħmel minn kollox, kif għamel bil-kandidatura ta’ Salvu Mallia.