Raġel ta’ 80 sena u mara ta’ 77 sena qed isofru minn ġrieħi gravi wara inċident fil-bypass tal-Gudja. L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ 13.50.
Minn stħarriġ li sar mill-Pulizija tad-Distrett irriżulta li seħħ impatt bejn żewġ vetturi. Il- vetturi konċernati huma Ford Fiesta misjuqa min raġel ta’ 80 sena residenti l-Imqabba u li kellha ukoll passiġġier ġo fiha mara ta’ 77 sena residenti l-Imqabba u Toyota Dyna misjuq min raġel ta’ 43 sena residenti Ħal Għaxaq.
Fuq il-post issejħet ambulanza sabiex jassistu liż-żewġ persuni li jirrisjedu l-Imqabba. Huma ttieħdu mmedjatament l-Isptar Mater Dei fejn ġew iċċertifikati li qegħdin isofru minn ġrieħi ta’ natura gravi.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr C Scerri Herrera li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-Inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.