B’urġenza tard ilbieraħ filgħaxija l-Avukat Ġenerali daħħal rikors il-Qorti biex din tisma’ mill-iktar fis it-talba tiegħu biex ikun revokat il-ħelsien mill-arrest li ngħata s-Serb li faqa’ tazza f’wiċċ żagħżugħ f’Buġibba u l-Qorti laqgħet dan ir-rikors biex se tkun qed tisma’ din it-talba llum. Id-deċiżjoni tal-Maġistrat Micallef Trigona li jagħti l-ħelsien mill-arrest waslet għar-reazzjoni mmedjata tal-prosekuzzjoni li skont tagħrif li għandna mill-ewwel talbet li jsir l-appell. Minn naħa tiegħu l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali daħħal ir-rikors ilbieraħ wara l-għaxra ta’ bil-lejl.
Dwar dan il-każ li qajjem diskussjoni fost il-Maltin, one.com.mt, tkellem mal-avukat Andy Ellul li spjega li huwa raġonevoli u ġust li d-deċiżjoni tal-Qorti toħloq agħa fost il-pubbliku. Dan għaliex, fost oħrajn, l-akkużat huwa barrani u għalhekk hemm possibiltà akbar li jiprova jaħrab, kif ukoll ir-reat huwa wieħed ta’ min jistmerru. “Wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li l-Qorti għandha l-obbligu li tissalvagwardja il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza,” spjega l-avukat.
Iżda Dr Ellul spjega li llum il-ġurnata l-ħelsien mill-arrest huwa meqjus bħala dritt u mhux l-eċċezzjoni. Il-Qorti għandha d-diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk tikkonċediex il-libertà proviżorja jew le wara li tisma’ dak li għandhom xi jgħidu l-partijiet. “Minkejja li r-reat huwa wieħed gravi, wieħed irid ikun fl-awla tal-Qorti biex jisma’ l-fatti u jifhem għalfejn l-akkużat ikun ingħata l-ħelsien mill-arrest,” spjega l-avukat Ellul.
F’dan l-istadju, ma jeskludiex li l-Avukat Ġenerali jitlob il-Qorti Kriminali li tkun preseduta minn Imħallef biex id-deċiżjoni tal-Maġistrat li jingħata l-ħelsien mill-arrest tiġi revokata (kif filfatt ġara wara li ġie ppubblikat dan l-artiklu) L-avukat spjega li l-ħelsien mill-arrest ma jingħatax meta, fost oħrajn, ikun hemm biża’ li l-akkużat ikellem lix-xhieda, li jbabas l-evidenza, li ma jitfaċċax għal kawżi fil-Qorti jew inkella jkun hemm il-biża li jiprova jaħrab mill-pajjiż.
Iżda l-avukat Andy Ellul saħaq li “l-Qorti mhux qiegħda hemm biex tissodisfa l-għajta tal-poplu iżda għandha dejjem issegwi t-test tal-liġi.” Huwa tkellem ukoll dwar l-importanza li wieħed ma jqabbilx każ ma’ ieħor għaliex l-akkużi u s-sentenzi tal-Qorti jvarjaw skont il-każijiet differenti li jkunu qed jinstemgħu quddiemha. L-avukat ma naqasx li juri s-solidarjetà mal-vittma u l-familjari tiegħu.
F’dan il-każ il-Qorti ddeċidiet li tagħti lis-Serb il-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €5,000 minkejja l-oġġezzjonijiet tal-prosekuzzjoni. L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkuża li fera gravi lil Ryan Magro. Liema każ seħħ bejn is-Sibt u l-Ħadd meta allegatament ta daqqa ta’ tazza tal-ħġieġ lil Ryan Magro. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest abbażi li l-akkużat biddel id-dehra tiegħu u prova jaħrab lill-Pulizija, iżda l-Maġistrat Micallef Trigona laqa’ t-talba tal-avukat difensur u ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt numru ta’ kundizzjonijiet. Ryan Magro għadu qed jingħata l-kura għall-ġrieħi serji li ġarrab.