Kien jum impenjattiv għall-ministri tal-finanzi tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li f’pajjiżna ddiskutew s-sitwazzjoni ekonomika Griega , l-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea u l-isfidi li qed jaffaċjaw il-banek Ewropew.
Il-Ġimgħa filgħodu, l-Eurogroup, kif inhi magħrufa l-laqgħa tal-ministri, ffinalizzaw dettalji importanti b’rabta mal-pakkett t’għajnuna finanzjarja lill-Greċja. Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li kienet laqgħa li fasslet il-kundizzjonijiet li l-Gvern Grieg irid jilħaq biex jieħu pakkett finanzjarju ieħor.
Mid-diskussjoni dwar il-Greċja l-Ministri għall-finanzi fl-istati membri ddiskutew il-futur monetarju tal-Unjoni Ewropea kif iż-żona ewro se titmexxa b’mod aħjar fl-isfond tal-isfidi li qed joffri x-xenarju internazzjonali. U Fl-aħħar nett il-Ministri ddiskutew self minn banek li ma jitħallasx. Problema li f’pajjiżna mhux preżenti kif inhi r-realta f’pajjiżi Ewropej oħra.
Din hi xi ħaġa li kif spjega l-Ministru Scicluna qed tpoġġi piż enormi fuq il-banek b’konsegwenza li qed tħalli impatt fuq l-attività ekonomika ewropea. Dwar dan is-suġġett se tkun il-Presidenza Maltija li tressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropa l-proposti tagħha.