Illum fl-aġenzija Identity Malta, fuq stedina tal-Ministru Owen Bonnici, saret laqgħa mal-edituri ta’ The Malta Independent biex ikun spjegat lilhom kif l-allegazzjonijiet dwar il-ħruġ ta’ ID Cards ma jirriżultaw minn imkien
Fi stqarrija, l-Ministeru għall-ġustizzja spjega li l-edituri setgħu jaraw b’għajnejhom kif id-dokument ikkwotat minnhom, u li fuqu bbażaw l-istorja tagħhom, mhuwa xejn ħlief dokument intern ta’ Identity Malta li jelenka l-persuni kollha li għandhom ID Card tispiċċa bl-ittra ‘P’, b’notamenti fejn jidħlu ċaqliq minn ID Card għal oħra wara bidliet li seħħew b’mod naturali fl-istatus tal-persuni.
Dawn il-madwar 300 persuna kellhom ID Card li tispiċċa bl-ittra ‘P’ fuq sistema li ddaħħlet taħt amministrazzjoni preċedenti għal persuni li ma jkunux jistgħu jippreżentaw iċ-ċertifikat tat-twelid tagħhom. Kważi l-persuni kollha filfatt ingħataw din l-ID Card fil-leġiżlaturi ta’ qabel.
Id-dokument juri li madwar 80 minn dawn it-300 eventwalment ingħataw status ġdid li ġie rifless f’ID Card oħra minflok dik preċedenti—jiġifieri dak ikkwotat ma kienx eżerċizzju jew kampjun imma dokument intern li jagħti biss rendikont taċ-ċaqliq leġittimu li tkun għamlet persuna minn ID Card bl-ittra ‘P’ għal ID Card minn kategorija oħra skont il-bidla fl-istatus tal-persuna.
Bl-ebda mod ma jfisser li dawn il-persuni għandhom żewġ ID Cards jew iktar, kif ġie allegat fl-aħħar jiem minn xi wħud. Min-naħa l-oħra, dokument ta’ residenza li jispiċċa bl-ittra ‘A’ jingħata biss lil persuni li mhumiex Maltin u għalhekk mhumiex intitolati biex jivvutaw fl-elezzjonijiet ġenerali.
L-edituri ta’ The Malta Independent semmew każ wieħed fejn persuna Maltija dehret irreġistrata darbtejn fir-reġistru elettorali. F’din il-laqgħa ġie spjegat lilhom li dan il-każ uniku fil-fatt inqabad mis-sistema ta’ Identity Malta qabel ma d-dettalji dehru fil-gazzetta, u ttieħdu l-passi neċessarji.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja qal li b’differenza minn taħt amministrazzjonijiet preċedenti fejn l-ID cards kollha tħallew skaduti għal ħafna snin, is-sistema llum hija ferm iktar aġġornata u b’saħħitha b’rispett lejn it-trasparenza u l-governanza.