Hekk kif il-proġett tal-Kappara għaddej ġmielu llum se jkun qed isir proċess ieħor importanti. Trejler se jkun qed iġorr travi tal-ħadid imsejħa bħala girders għall-pont tal-Kappara. Rotta li se jkun qed isir bi prova biex it-travi mibnija Spanja jittieħdu mill-Marsa għas-sit.
Transport Malta se tkun qed tibda tibni l-istruttura tal-pont tal-Kappara fi żmien li ġej. F’dawn l-aħħar xhur, kumpanija fi Spanja ħadmet it-travi tal-ħadid li ser ikunu parti mill-qiegħ tal-pont. Tmint itravi għal kull direzzjoni ser jitqiegħdu fuq il-kolonni tul il-flyover. L-itwal travu huwa twil mat-30 metru.
Fil-ġranet li ġejjin, il-kumpanija Spanjola li ħadmet it-travi ser tibgħathom bil-baħar minn La Coruña fi Spanja għal Malta. Dawn it-travi tal-ħadid ser jaslu fejn qabel kienet is-Ship Building u trejlers kbar ser iġorruhom għall-Kappara.
Il-kobor tagħhom ifisser li se joffru sfida biex jinġarru fit-triq u għalhekk Transport Malta fasslet pjan ta’ rotta li se tkun provata illejla. L-ewwel prova se ssir fl-għaxra tal-lejla, bi trejler jitlaq mill-Marsa u jgħaddi minn Triq il-Labour, Triq Aldo Moro, mill-bypass tal-Marsa-Ħamrun, Triq Reġjonali u Triq Mikiel Anton Vassalli.
It-trejler ser isuq fuq il-karreġġjata tal-lemin tat-triq għax huwa iktar faċli biex jimmanuvra b’dak il-kobor. It-triq ser tkun magħluqa f’partijiet biex is-sewwieqa jgħaddu minn toroq alternattivi bl-inqas inkonvenjent.
Il-pulizija u l-uffiċjali ta’ Transport Malta ser ikunu fuq il-post biex jagħlqu t-triq kif meħtieġ u jiggwidaw lis-sewwieqa minn toroq alternattivi. Filwaqt li tiskuża ruħha għal dan l-inkonvenjent,Transport Malta tappella għall-koperazzjoni tas-sewwieqa.
It-trejler mistenni jieħu madwar tliet siegħat biex jagħmel il-vjaġġ. Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, tal-Enemalta u l-kuntrattur ser isegwu t-trejler matul ir-rotta kollha biex ikunu hemm f’każ ta’ bżonn.
Meta jaslu t-travi għall-proġett, it-trejlers ser iġorru minn travu sa tnejn kull lejl u ser jgħaddu minn din ir-rotta. Nies mill-kumpanija Spanjola li bniethom se jiwweldjaw it-travi fuq il-post mill-ewwel. Aktar dettalji se jingħataw kif toqrob id-data.