Il-ħaddiema tal-Air Malta li ħadu l-iskema tal-irtirar kmieni fl-2011, ingħataw id-diskrepanzi fil-ħlas dovut lilhom mill-ammont globali hekk kif miftiehem magħhom dak iż-żmien. Dan wara ftehim milħuq mal-General Workers’ Union u l-Ministeru għat-turiżmu. Fi stqarrija l-Ministeru għat-Turiżmu qal li dan kien possibbli grazzi għall-għajnuna li ngħatat mill-Ministeru għall-finanzi.
Il-ftehim intlaħaq ilbieraħ f’laqgħa bejn il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis u d-delegazzjoni tal-union immexxija mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja.
F’din il-laqgħa ġiet diskussa t-triq ’il quddiem għall-ħaddiema membri tal-GWU fl-Air Malta. Il-GWU laqgħet bi pjaċir l-iskema ta’ rtirar volontarju għal kulħadd.
Il-Ministru Zammit Lewis akkumpanjat mill-President Emeritus Dr George Abela u miċ-Chairperson tal-linja tal-ajru Air Malta Maria Micallef, spjegaw kif se jissokta l-kumitat maħtur apposta mmexxi minn Dr George Abela li se jibda jinnegozja mal-union dwar skema ta’ rtirar volontarju bil-għan li jaslu għal ftehim dwar skemi ta’ rtirar u għal ftehim kollettiv għall-membri kollha tal-GWU sal-aħħar ta’ Ġunju li ġej.