Ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tas-sebgħa, il-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident stradali fi Triq in-Naxxar, Birkirkara.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li għal xi raġuni seħħet ħabta bejn mutur tat-tip Yamaha u karozza tat-tip Peugeot. Sussegwentement, il-mutur li kien qiegħed jinstaq minn raġel ta’ 78 sena, residenti Birkirkara, kellu wkoll impatt ma’ vettura oħra li kienet ipparkjata.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn ġie iċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi. Mara ta’ 27 sena li toqgħod Ħ’Attard u li kienet qiegħda ssuq il-karozza wkoll ittieħdet l-isptar minnħabba li kienet qiegħda ssofri minn xokk qawwi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.