Permezz ta’ messaġġ fuq il-profil tiegħu tal-Facebook, il-fundatur ta’ Facebook Mark Zuckerberg qal li Facebook se jkun qed ikolli għodda speċjali biex jiġi pprevenut milli jinxtered kontenut li jissejjaħ “revenge porn” fuq din il-pjattaforma. Dan kemm permezz ta’ post fuq il-profil tal-individwu, kemm jekk permezz ta’ messaġġ privat bejn il-ħbieb u kif ukoll anke permezz tal-pjattaforma Instagram.
Zuckerberg qal li hu qed jaħdem flimkien mat-tim tiegħu biex joħolqu komunità li tassigura li kulħadd ikun f’ambjent li jħossu sigur u dan ifisser li jinvesti f’teknoloġija u għodda li tipprevjeni milli jsir ħsara lil kwalinkwe individwu.
Hu qal li ‘revenge porn’, ġifieri tixrid ta’ materjal pornografiku li ssir bi tpattija, hu każ intimu u li jsir mingħajr il-kunsens tal-individwu kkonċernat. Sostna li dan hu każ malizjuż u li jħalli impatt ħażin fuq l-individwi affettwati.
Sabiex Facebook ikun jaf li l-kontenut li qed jinxtered hu wieħed li jmur kontra r-regoli tal-istess pjattaforma, persuna trid tirrapporta l-kontenut lil Facebook. Minn hemm it-tim ta’ Facebook se jkun qed jagħmel użu minn inteliġenza artifiċjali u kif ukoll ‘image recognition’ biex l-istess kontenut jiġi pprevenut milli jitkompla jġi mxerred.