L-MPE Marlene Mizzi laqgħet l-aħħar ftehim bejn il-presidenza Maltija u l-Parlament Ewropew fuq prezz massimu bl-ingrossa bejn il-pajjiżi tal-UE. “Dan il-ftehim kien l-aħħar ostaklu li kien jonqos biex jiġu aboliti t-tariffi tar-roaming mill-15 ta’ Ġunju, 2017,” qalet Mizzi.
“F’xahrejn, il-persuni li jivvjaġġaw fl-Ewropa mhux se jħallsu spejjeż żejda meta jużaw il-mowbajls tagħhom. Waqa’ s-siparju fuq dawn it-tariffi li kienu tant diskriminatorji. It-tariffi tar-roaming se jsiru xi ħaġa tal-imgħoddi u n-nies lanqas biss se jibqgħu jiftakru li kienu jeżistu,” qalet l-MPE Marlene Mizzi.
Il-ftehim milħuq mill-Parlament Ewropew u l-Presidenza Maltija se jpoġġi prezz massimu li l-fornituri tat-telekomunikazzjoni jistgħu jżommu lil xulxin meta l-konsumaturi tagħhom jużaw il-mowbajl meta jkunu barra. Dan għandu jwassal biex l-operaturi jkunu jistgħu joffru roam-like-at-home lill-konsumaturi tagħhom, u fl-istess ħin jissalvagwardja l-fatt li jistgħu jkopru l-ispejjeż tagħhom mingħajr żieda fil-prezzijiet domestiċi. Il-limitu massimu se jħalli wkoll impatt dirett fuq kemm jista’ juża data tal-mowbajl konsumatur meta jkun barra l-pajjiż. Inqas ma jkun il-limitu massimu, ikbar se jkun l-ammont tad-data.
Bħala l-kelliema tal-S&D fuq id-drittijiet tal-konsumatur għat-tim ta’ negozjaturi fuq il-leġiżlazzjoni tar-roaming, l-MPE Marlene Mizzi qalet: “Kuntenta ħafna li sa fl-aħħar l-Ewropa se żżomm il-wegħda tagħha u tabolixxi t-tariffi tar-roaming. Dan huwa t-tmiem ta’ battalja twila ħafna li bdiet sitt snin ilu b’oppożizzjoni minn bosta naħat. Huwa għalhekk li jien onorata li kont parti mit-tim tal-S&D, li rnexxielu jwassal għal storja ta’ suċċess billi ddefenda l-interessi taċ-ċittadini u l-operaturi ż-żgħar.”
“Għalkemm it-trufijiet kollha tal-kobba – li kien hemm bżonn biex nilħqu d-deadline tal-15 ta’ Ġunju biex it-tariffi tar-roaming jiġu aboliti – jinsabu f’posthom, il-ġlieda tiegħi ma tintemmx hawn. Se nkompli ninsisti fuq il-pass li jmiss, dak li t-telefonati internazzjonali fl-UE ma jibqgħux diskriminatorji, billi jkollna l-istess prezzijiet għal telefonati u SMSs domestiċi u transkonfinali, biex in-nies ikunu jistgħu jitkellmu ma’ sħabhom u l-familja li joqogħdu f’pajjiż ieħor, mingħajr ma jinkwetaw fuq spejjeż żejda fl-aħħar tax-xahar,” qalet l-MPE Marlene Mizzi.