Saviour hu kelb Sqalli mħallat mir-razza Pitbull, li għalkemm għad għandu biss tmien xhur il-ħajja diġà wrietu snienha.
Dan għaliex Saviour, mhux biss kien abbandunat u tħalla għall-mewt iżda kif ukoll spiċċa f’nofs tat-triq, b’difett f’saqajh ta’ quddiem li minħabba fihom ma jistax jimxi sew.
Iżda minkejja t-tbatijiet li kellu jgħaddi minnhom Saviour kellu xaqq ta’ tama meta Maltija li tgħix fi Sqallija u li ssalva l-klieb, Bridget Moncado, lemħet lil Saviour, salvatu u issa qed tagħmel minn kollox flimkien ma’ volontiera oħrajn f’Malta biex jipprovdulu l-ħajja li tant tistħoqlu. Hu bħalissa qed jirċievi l-kura fi Sqallija stess u hekk kif ifieq mill-operazzjoni li mistennija ssirlu hu se jkun qed ifittex familja li lesta tħobbu u għalekk ikun jista’ jinġieb hawn Malta.
Għalekk nhar il-Ħadd, l-għaqda Sicily Stray Rescue, se jkunu qed iħejju attività ċkejkna li għaliha jista’ jattendi kulħadd, fejn kulħadd jista’ jlaqqa’ lill-klieb tiegħu ma’ klieb oħra bħala ħarġa ta’ tmiem il-ġimgħa.
Matul din il-ħarġa se jkunu qed jiġbru donazzjoni żgħira ta’ €5, fejn din id-donazzjoni se tkun qed tintuża biex issir l-operazzjoni li għandu bżonn Saviour, u li biha x’aktarx ikun jista’ jerġa jibda jimxi sew.
L-attività se tkun qed issir il-Ħadd li ġej, mit-15:00 ta’ wara nofsinhar sal-17:30 fil-Park tal-Klieb f’Ta’ Qali.
Għal min hu interessat jista’ jidħol hawn għal aktar dettalji u għal dawk li forsi ma jistgħux jattendu, jistgħu iħallu donazzjoni permezz ta’ Paypal fuq: Sicilystrayrescue@gmail.com