Fi tmiem jumejn ta’ diskussjonijiet bejn il-Ministri tax-Xogħol u t’ Affarijiet Soċjali Ewropej taħt il-patronċinju tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, kienu diskussi mezzi varji kif l-Istati Ewropej jistgħu jagħmlu d-dinja tax-xogħol iktar attraenti għal min jagħżel li jibqa’ qiegħed.
Making Work Pay kienet it-tema li xprunat id-diskussjoni fejn il-Ministri qasmu l-ideat u l-esperjenzi tal-pajjiżi tagħhom biex fuqhom il-Kummissjoni Ewropea tfassal il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
F’ konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem il-laqgħa informali, il-Ministru Malti Michael Farrugia stqarr li kien hemm ir-realizzazzjoni li hemm konnessjoni bejn ekonomija b’ saħħitha u sistema t’ assistenza soċjali b’ saħħitha.
Il-Ministri tkellmu dwar kif meta wieħed jidħol fid-dinja tax-xogħol awtomatikament iħossu iktar aċċettat fis-soċjeta- għalhekk din hi raġuni oħra għaliex għandhom jipprovaw iħajru n-nies ma jibqgħux dipendenti fuq l-għajnuna soċjali.
Għaldaqstant kienu ewlenin fid-diskussjoni persuni li qed jerġgħu jingħaqdu fis-soċjeta wara perjodu ta’ rijabilitazzjoni u gruppi oħra fis-soċjeta li ħafna drabi jintesew meta jitfasslu l-liġijiet u t-trattati Ewropej. Jekk l-inizjattivi li qed jittieħdu jinftehmu min-nies, l-Ewropej jibdew iħossu l-Unjoni Ewropea hija qrib tagħhom u b’ hekk tissaħħaħ il-fiduċja f’dawn l-istituzzjonijiet Ewropej.