Il-klabb tal-Belt Valletta x’aktarx se jingħata art f’Ħal Luqa, proprju biswit Valletta Road, biex jiżviluppa l-grawnd li tant ilu mistenni. Ta dawn id-dettalji fil-Parlament, il-Ministru Evarist Bartolo meta kien qed iwieġeb domanda parlamentari.
Ftit tal-ġimgħat ilu, fi Gvern Li Jisma’ l-Prim Ministru kien qal li l-ftehim kien viċin u l-Ministru Bartolo żvela li kien hemm iktar minn sit wieħed ikkunsidrati, għalkemm hemm dak favorit.
“Hemm numru ta’ siti li qed ikunu ikkunsidrati sabiex tingħata lil Valletta FC biex jibnu l-istadium u l-faċilitajiet, madankollu l-aktar waħda li qed naħdmu fuqha hija l-art li tinsab biswit Valletta Road, Ħal-Luqa,” qal il-Ministru Bartolo.
Il-Beltin ilhom ikunu mwiegħda art minn leġiżlaturi preċedenti, iżda jidher li se jkun biss issa li l-ħolma tal-Beltin se ssir realtà.
Ritratt: Maltatoday – Ray Attard