Waqt laqgħa mal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li ttella’ fil-Lussemburgu, is-sitwazzjoni li tinsab fiha bħalissa l-Libja, kien it-tħassib ewlieni tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, George Vella. Dan fid-dawl tad-diżgwid li hemm bejn il-Lvant u l-Punent tal-pajjiż.
L-ewwel punt diskuss fil-laqgħa kienet is-sitwazzjoni fis-Sirja, fejn din id-diskussjoni serviet bħala opportunità għall-Kummissarju Hahn biex jippreżenta Joint Communication dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għas-Sirja lill-Ministeri għall-Affarijiet Barranin. Din l-istrateġija tiddefinixxi l-irwol importanti li għandha l-UE biex issib soluzzjoni politika fit-tul fis-Sirja taħt l-Istati Uniti. Il-Ministru Vella laqa’ din l-istrateġija fejn tkellem dwar il-bżonn ta’ kif l-UE għandha tieħu rwol aktar attiv.
Vella tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ kif reġjuni li għandhom irwol ewlieni għandhom jintlaħqu sabiex jintlaħaq ftehim bejniethom.
Waqt l-istess laqgħa ġie diskuss ukoll is-sitwazzjoni fil-Yemen u l-istat li tħalliet fih wara tliet snin ta’ kunflitt, fejn dwar dan il-Ministru Vella esprima t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja. Dan minħabba li n-nuqqas ta’ sigurtà li hemm fil-pajjiz qed tħalli impatt ħażin fuq is-settur marittimu, fejn qed ikun diffiċli biex isir aċċess sabiex jitwasslu provvisti neċessarji.
Il-laqgħa ntemmet b’diskussjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, fejn ġew diskussi diversi elementi fosthom il-ħtieġa biex isir żvilupp dwar il=Ftehim Politiku Libjan, il-migrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Malta, u kif ukoll l-irwol importanti tal-Politika Komuni dwar is-Sigurtà u d-Difiża tal-Unjoni Ewropea fid-dawl ta’ missjonijiet fil-Libja. Waqt dan l-intervent, Vella qal li jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni fil-Libja b’mod partikolari dwar id-diżgwid bejn il-Lvant u l-Punent tal-pajjiż, kif ukoll dwar is-sitwazzjoni fin-nofsinhar tal-pajjiż. Dwar il-migrazzjon Vella tkellem dwar kif hemm bżonn li l-Ftehim ta’ Malta jiġi implimentat u kif ukoll miżuri kontra l-kuntrabandu.
Preżenti waqt din il-laqgħa kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab (LAS), Ahmed Aboul Gheit, fejn Vella ddiskuta miegħu l-bżonn ta’ djalogu aktar viżibbli u strutturat bejn l-UE u l-LAS.