Rumen baqa’ miżmum arrestat wara li ġie mixli b’serq ta’ mobile phones, li jammontaw għal €180,000 minn diversi ħwienet.
Għall-akkużi miġjuba kontrih, l-akkużat wieġeb li mhux ħati. Minkejja dan id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Pulizija qalet li temmen li r-raġel hu parti minn grupp ta’ kriminalita organizzata, b’membri li x’aktarx huma ta’ nazzjonalita’ Rumena. Il-każ jinvolvi sensiela ta’ serq li saru fis-sajf tal-2023, bil-ħallelin sgassaw il-bieb tal-ħwienet u battlu l-ixkaffef kollha mill-mowbajls.
Wara investigazzjonijiet intensivi, f’Jannar ġie identifikat wieħed minnhom li ġie arrestat fir-Rumanija u estradit lejn pajjiżna, fejn għadu arrestat. Il-Ġimgħa li għaddiet, ġie arrestat membru ieħor ta’ dan il-grupp , li illum tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea u baqa’ miżmum arrestat.