Il-kowċis tas- Siġġiewi Rowing Club, Leanne Xuereb Ungaro u Markus Schembri, saru l-ewwel kowċis Maltin li kisbu ċ-ċertifikazzjoni tal-Kowċing fil-Qdif Paralimpiku mogħtija minn World Rowing.
Dawn il-kowċis kienu essenzjali fit-taħriġ sportiv t’atleti b’diżabilità fiżika, viżwali u intellettwali li jitrenjaw flimkien m’atleti oħrajn mas-Siġġiewi Rowing Club (SRC).
Il-kors kien organizzat f’fażijiet, bl-ewwel fażi jikkonsisti minn programm intensiv ta’ taħriġ fil-kowċing u klassifikazzjoni tal-Qdif Paralimpiku (magħruf ukoll bħala ‘Para Rowing’), organizzat minn World Rowing b’kollaborazzjoni ma’ Türkiye Rowing, u li saret fil-IBB Halic Water Sports Center f’Istanbul.
Il-programm kien imexxi mill-edukaturi u -tim tal-klassifikazzjoni ta’ World Rowing, u inkluda, fost suġġetti oħra, taħriġ speċjalizzat fuq suġġetti bħall-klassifikazzjoni tal-para atleti fil-Qdif Paralimpiku, moviment u ħidma fuq l-ergometru tal-indoor rowing, l-armar u u l-użu tad-dgħajjes, eżerċizzji ta’ sigurtà fl-ilma, u prattiki rakkomandati fuq aċċessibilità u evalwazzjoni ta’ riskji. Wara s-sessjonijiet fit-Turkija, il-kowċis għamlu evalwazzjoni tar-riskju lokali u eżerċizzju magħruf bħala ‘capsize drill’ fil-pixxina tal- Inspire f’Marsaskala.

Dan il-pass huwa mument importanti għall-qdif Paralimpiku f’Malta, li qed jiġi żviluppat b’mod konġunt mill-Kumitat Paralimpiku Malti (MPC) u Siġġiewi Rowing Club. MPC ikkumenta: “L-investiment f’ħiliet speċjalizzati għall-kowċing għall-atleti b’diżabilità fl-isport tal-qdif huwa essenzjali biex nipprovdu sessjonijiet ta’ taħriġ minn kowċis kwalifikati, b’mod sigur u adattat għall-bżonnijiet individwali, inklużi tipi differenti ta’ diżabilità. Dan jikkumplimenta l-investiment f’għodod sportivi adattati kemm għall-qdif ta’ l-indoor kif ukoll fuq l-ilma. B’atleti b’diżabilità diġà jitrenjaw u jikkompetu fil-qdif ta’ l-indoor, il-Kumitat huwa ħerqan għall dan il-kapitlu eċċitanti ġdid fejn il-qdif fuq l-ilma se jkun disponibbli dalwaqt f’Malta. Nirringrazzjaw lil Leanne u Markus għall-impenn tagħhom fil-promozzjoni tal-inklużjoni u l-eċċellenza fl-isport Paralimpiku.”
Dan il-pass huwa parti mill-proġett ambizzjuż għall-qdif li MPC u SRC bdew flimkien. Fl-2022, is-Segretarju Ġenerali tal-MPC, Dr Julian Bajada, temm il-Julian Bajada 28 km Rowing Challenge, li ġabar aktar minn €60,000 biex tinxtara flotta ta’ dgħajjes għal-Qdif Paralimpiku. Id-dgħajjes waslu f’Malta iktar kmieni din is-sena u s-sessjonijiet tat-taħriġ sportiv fuq l-ilma huma mistennija li jibdew formalment fis-sajf tal-2025 f’kollaborazzjoni ma’ SRC.
Barra minn hekk, MPC u SRC investew fl-izvilup tal-grupp ta’ atleti b’diżabilità li jitħarġu fil-qdif ta l-indoor fil-faċilitajiet sportivi ta’ Dar Tal-Providenza, fis-Siġġiewi. SRC huwa l-uniku klabb tal-qdif inklussiv f’Malta li joffri opportunitajiet ta’ taħriġ u kompetizzjoni għal atleti ta’ etajiet kollha, b’diżabilità jew mingħajrha, f’kull dixxiplina – mill-‘indoor rowing’ għall-regatta tradizzjonali, qdif Paralimpiku, Olimpiku u anke Coastal.

