Illejla għajnejn id-dinja se ddur fuq id-69 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest.
U wara nuqqas ta’ erba’ snin, Malta se tirritorna bil-kbir għall-finali ta’ dan il-festival permezz tal-kantanta bravissima Miriana Conte bil-kanzunetta ‘Serving’.
F’Basel, l-Iżvizzera, se jipparteċipaw 26 kanzunetta, b’Malta se tkanta fl-20 post.
Miriana, ta’ 24 sena ilha tikkompeti fil-Malta Eurovision mill-2017 meta ddebuttat bil-kanzunetta ‘Don’t Look Down’. Però, wara wirja stupenda bil-kanzunetta ‘Serving’, li fl-aħħar xhur ma kinitx nieqsa wkoll mill-kontroversja dwar l-isem tagħha, irnexxielha mhux biss terbaħ il-konkors Malti, imma tikseb post fil-finali.
Fil-fatt skont id-djar tal-imħatri, Malta tinsab mal-aqwa 10 kanzunetti, propju fl-10 post għall-finali tal-Eurovision. Skont l-istess djar tal-imħatri qed jingħad li l-Iżvezja, bil-kanzunetta ‘Bara bada bastu’ se terbaħ din il-kompetizzjoni.
Fit-tieni u fit-tielet post ta’ din il-klassifika hemm l-Awstrija u Franza.
Is-sit tal-aħbarijiet Ingliż Sky ukoll tkellem dwar kif il-lirika oriġinali tal-kanzunetta kellha tinbidel minħabba li l-EBU ma aċċettatx il-kelma ‘kant’ fil-kanzunetta għaliex sostnew li kellha sens vulgari.
Il-pajjiżi li flimkien ma’ Malta għaddew mis-semifinali huma n-Norveġja, il-Lussemburgu, l-Estonja, l-Iżrael, il-Litwanja, l-Ukrajna, l-Awstrija, l-Iżlanda, il-Latvja, l-Olanda, il-Finlandja, il-Polonja, il-Ġreċja, l-Armenja, il-Portugall, id-Danimarka, l-Iżvezja, San Marino u l-Albanija.
Magħhom daħlu awtomatikament fil-finali l-Big 5 – il-Ġermanja, ir-Renju Unit, Spanja, Franza u l-Italja li huma l-iktar li joħorġu fondi għall-Eurovision – u l-Iżvizzera bħala l-pajjiż organizzatur.
Il-Ġimgħa filgħaxija, Miriana kellha prova oħra, fejn fiha vvotat il-ġurija ta’ kull pajjiż li qed jieħu sehem fil-Eurovision Song Contest.
Ir-riżultat tal-ġurija jgħodd ħamsin fil-mija tal-voti, filwaqt li n-nofs l-ieħor huwa permezz tat-televoting.
Illejla s-serata mistennija tkun waħda spettakolari bis-sehem ta’ bosta artisti minn edizzjonijiet passati fosthom ir-rebbieħ tas-sena li għaddiet, il-kantant NEMO bil-kanzunetta ‘The Code’.
Sadanittant, il-Prim Ministru Robert Abela qasam fuq il-mezzi soċjali tiegħu, telefonata li kellu mal-kantanta Miriana Conte. Dr Abela qallha kemm hu kburi bil-prestazzjoni li tat fis-semifinali tal-Ħamis li għadda, filwaqt li awguralha għall-finali tal-lejla.
Fatt interessanti li wieħed jista’ jsemmi huwa kif ix-xorti riedet li Miriana kantat fl-ewwel post fil-finali tal-Malta Eurovision Song Contest u spiċċat ir-rebbieħa. Sadanittant f’Basel, fis-semi finali tal-Eurovision, Miriana kantat fid-disa’ post u għaddiet id-disa’ waħda.
Tgħid ix-xorti se tkompli tidħqilna? Però mgħandniex dubju li bil-prestazzjoni tagħha, Miriana se tkun qed tagħmel lil pajjiżna kburi.
Awguri Miriana, Malta warajk.