Id-Dar tal-Imtarfa, magħrufa bħala Dar il-Ġmiel, ilha toffri kura u appoġġ lill-anzjani għal aktar minn 25 sena. Fid-dawl tal-bżonnijiet dejjem jikbru f’soċjetà li dejjem qiegħda tikber fl-età, id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità beda proġett ta’ rinnovazzjoni estensiv, bil-għan li jgħolli l-istandards tal-kura u l-kumdità f’din id-dar.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, flimkien mas-Segretarju Permanenti Renzo De Gabriele, żaru u raw il-progress tax-xogħol f’din id-dar.
“Dan huwa parti mill-commitment ta’ dan il-Gvern sabiex naraw li d-djar tal-anzjnai tagħna jkunu tal-ogħla livell, partikolarment id-djar tal-anzjani tal-Gvern. Sar xogħol fuq id-dar tal-anzjani tal-Mosta, rajna x-xogħol estensiv li sar fuq id-dar tal-anzjnai tal-Furjana u qed naraw li l-anzjani ikollhom postijiet li jixraqilhom u komdi fejn ikunu jistgħu jgħixu fihom.”
Il-proġett hu maqsum fi stadji sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għar-residenti, u s’issa tlesta waterproofing ġdid, installazzjoni ta’ ġeneratur kbir li jkopri s-servizzi kollha tad-dar, sar rinnovar tar-reception u l-uffiċini tal-amministrazzjoni kif ukoll tal-kappella, u bdew ix-xogħlijiet fuq il-boiler, il-pajpijiet tal-ilma, kmamar tar-residenti u kmamar tal-banju, għamara, u s-sistema tan-nurse call.
Fil-ġimgħat li ġejjin, il-ħidma se tkompli bi proġetti li jinkludu bdil ta’ pajpijiet maġġuri, sistema ta’ arja kundizzjonata ġdida, aktar tibdil ta’ għamara u bibien u kċina kompletament rinnovata.