Saret l-ewwel laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika bħala parti mill-konsultazzjoni dwar l-ewtansja volontarja assistita, liema laqgħa attendew għaliha diversi persuni li esprimew il-fehma tagħhom dwar id-dokument ippubblikat għall-konsultazzjoni pubblika.
Din il-laqgħa saret fis-sala tal-Kunsill Lokali tal-Fgura, fejn fost oħrajn kien hemm diversi persuni li esperjenzaw it-tbatija li jikkawża mard terminali fejn b’kuraġġ esprimew il-fehma tagħhom dwar dak ippubblikat għad-diskussjoni.
Filwaqt li fil-laqgħa kien hemm qbil ġenerali dwar is-serjetà tad-dokument ippubblikat, opinjonijiet espressi kienu jvarjaw minn dawk li jemmnu li d-dokument kellu jkun iktar miftuħ għal dawk li esprimew kontra dan il-prinċipju.
Persuni oħra saħqu li meta esperjenzaw it-tbatija mill-qrib u tilfu persuni qrib tagħhom fehmu kemm din hi għażla personali li torbot mad-dinjità tal-persuna li m’għandha tkun imċaħda qatt, lanqas fi tmiem il-ħajja.
Diversi persuni semmew kif il-fatt li d-dokument jisħaq li din għandha tkun għażla volontarja li persuna tista’ tieħu biss għaliha nnifisha hija xi ħaġa li tagħti serħan il-moħħ.
Preżenti għal din il-konsultazzjoni kien hemm is-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-Riformi Rebecca Buttigieg.
“Kien hawn min tkellem dwar l-esperjenza personali u hemmhekk fejn tifhem kemm hawn min ġarrab u kemm hu importanti li dan is-suġġett qed jingħata s-sensittività meħtieġ u tifhem aktar kif qed nitkellmu dwar id-dinjità tal-persuna fl-aħħar stadju, fl-aktar mumenti vulnerabbli għalih u għal għeżież tiegħu.”
Din il-konsultazzjoni pubblika hi miftuħa sat-2 ta’ Lulju u l-pubbliku huwa mħeġġeġ jipparteċipa u jgħaddi l-kummenti tiegħu fuq is-sit fuq www.facts.gov.mt jew fil-laqgħat fil-komunità li jmiss bil-laqgħat issa se jsiru f’Għawdex u fil-Mosta.