Il-Partit Nazzjonalista għażel li jsejjaħ lill-media għal konferenza tal-aħbarijiet dwar il-vot ta’ sfiduċja fl-eks Sindku ta’ Ħal Għargħur Helen Gauci u qagħad iqabbel il-voti miksuba f’din il-lokalità biex mingħalih jagħti impressjoni li s-sitwazzjoni ta’ Ħal Għargħur hija differenti minn ta’ lokalitajiet oħrajn.
Qal dan il-Partit Laburista fi stqarrija fejn spjega li l-Partit Nazzjonalista madanakollu qed jaħbi li tilef il-maġġoranza tal-kunsilliera f’Ħal Għargħur għax minn 5 siġġijiet għandu biss 2 siġġijiet, għal raġunijiet li nassumu jafhom tajjeb, u għalhekk irid jirrispetta r-rieda tal-maġġoranza tal-Kunsilliera b’rispett lejn id-demokrazija.
Il-Partit Nazzjonalista jaf tajjeb ukoll li huma n-numri tas-siġġijiet li jgħoddu u mhux tal-voti biex jiġi determinat min imexxi l-Kunsill. Minkejja dan, il-Partit Nazzjonalista qed jipprova jitfa l-ħtija li tilef il-maġġoranza fuq il-Partit Laburista, minflok ma jħares lejn il-mera u jagħmel eżami tal-kuxjenza biex jara għala tilef din il-maġġoranza li kellu.
F’każi simili li seħħew fil-passat, il-Partit Nazzjonalista qatt ma ħareġ jgħid li kien anti-demokratiku meta appoġġja bidla fit-tmexxija minn Sindku tal-Partit Laburista għal Sindku tal-Partit Nazzjonalista. Dan juri kemm il-Partit Nazzjonalista juża double standards f’kollox, anke f’livell ta’ Kunsilli Lokali.
Il-kliem ta’ theddid użat mill-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista lbieraħ fil-konferenza tal-aħbarijiet huwa prova ċara li mhux biss qed jipprova jfixkel il-perkors ta’ proċess demokratiku, iżda li jrid jiddetta kif irid hu l-kompożizzjoni tal-Kunsill ta’ Ħal Għargħur u jmur kontra r-rieda tal-maġġoranza tal-Kunsilliera.
Il-Partit Laburista temm jgħid li hu tassew ironiku li l-Partit Nazzjonalista qed jitkellem dwar rispett lejn ir-rieda tal-maġġoranza, meta fl-istess binja fejn saret il-konferenza tal-aħbarijiet ilbieraħ kien sfiduċjat Kap elett mit-tesserati Nazzjonalisti stess b’mod demokratiku.