Meta dalgħodu bdiet tinstema’ l-kawża li fetaħ il-Partit Nazzjonalista biex iwaqqa’ ċ-ċens tal-Workers Memorial Building, is-sit minn fejn taħdem il-General Workers Union, l-avukati tal-istess GWU talbu biex l-Imħallef tirrikuża minn dan il-każ.
Il-GWU li għaliha qed jidhru l-avukati Aron Mifsud Bonnici u John Bonello qed targumenta li l-Imħallef Jacqualine Padovani Grima m’għandiex tisma’ l-każ. Dan għax tidher għall-Partit Nazzjonalista hemm id-ditta Fenech & Fenech li wieħed mill-imsieħba ewlenin tagħhom hu Kenneth Grima, ħu l-Imħallef. Fenech & Fenech hija d-ditta legali fejn hemm ukoll fit-tmexxija tagħha il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Ann Fenech. Li nzerta li r-raġel tagħha wkoll għandu parentela mal-Imħallef.
L-avukati tal-General Workers Union qalu li l-ġustizzja mhux biss trid issir, iżda trid tidher li qed issir ukoll u għamlu l-każ tagħhom billi rreferew għal sentenzi riċenti tal-Qorti Ewropea għad-drittijiet tal-bniedem.
Minn naħa l-oħra, Jason Azzopardi, li qed fit-tim legali tal-Partit Nazzjonalista qed jargumenta li f’dan kollu m’hemm ebda kunflitt ta’ interess u nsista li l-każ għandu jinstema’ mill-Imħallef Padovani Grima.