Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, elenkat kif pajjiżna mistenni jkompli jimxi fuq il-mira attwali tiegħu ta’ riformi favur l-inklużjoni, kif għamel fl-aħħar snin, grazzi għall-politika għaqlija Laburista, u dan biex ikomplu jissaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini kollha f’pajjiżna.
Fil-messaġġ tagħha fil-konferenza organizzata mill-‘Corporate Citizenship for Responsibile Enterprises’, il-CORE, bl-isem ‘Sustaining Momentum’, Buttigieg elenkat is-suċċessi li kellu pajjiżna f’dan ir-rigward mill-2013 ’il quddiem.
Il-pjattaforma mhux governattiva CORE, li nediet il-Malta Diversity & Inclusion Charter, organizzat din it-tieni konferenza tagħha, fejn laqqgħet bosta esperti u stakeholders biex jiddiskutu bosta aspetti ta’ inklużjoni għas-soċjetà.
Il-konferenza kellha l-mira li mhux biss jiżdied l-għarfien fl-oqsma relatati, iżda wkoll jiġu promossi u instigati bidliet ta’ valur għoli fid-diversità u l-inklużjoni.
F’kumment ma’ ONE News, is-Segretarju Parlamentari saħqet kemm hu utli x-xogħol li twettaq CORE, filwaqt li ġibdet l-attenzjoni li Malta baqgħet fil-quċċata tal-indiċi fejn jidħlu drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+.
“Din hi opportunità oħra li, bħala Gvern, qed intennu l-impenn tagħna favur l-ugwaljanza. Hawnhekk qed inwettqu miżura oħra tal-manifest fejn nedejna dan id-Diversity Charter flimkien mal-CORE platform li nagħtu aktar għodda lill-kumpaniji privati u lis-settur privat biex iħaddan il-valuri tal-ugwaljanza. Tajjeb li ngħidu wkoll li, illum, Malta kklassifikat l-ewwel għall-għaxar sena konsekuttiva f’dak li għandu x’jaqsam ma’ drittijiet ċivili u se nkomplu ntennu l-impenn tagħna u naħdmu fuq l-ugwaljanza ta’ kuljum.”
REBECCA BUTTIGIEG
