Żgħażugħa ta’ 22 sena mir-Rabat weġġgħet gravi f’aċċident tat-traffiku, li seħħ fi Triq Reġjonali f’Santa Venera lbieraħ għall-ħabta tas-5:45 ta’ filgħaxija.
Mill-ewwel stħarriġ tal-Pulizija, irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Toyota Vitz, misjuqa minn tfajla ta’ 19-il sena residenti ż-Żurrieq, u mutur Honda, misjuq mill-vittma.
Il-mara, li ngħatat l-għajnuna minn tim mediku, ittieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet.