Il-President Russu Vladimir Putin mhuwiex fost l-ismijiet elenkati mill-Kremlin li mistennija jattendu f’Istanbul aktar tard illum għal taħditiet ta’ paċi dwar il-Gwerra fl-Ukrajna, minkejja l-appelli li għamel il-President Ukren Volodymyr Zelensky biex jattendi.
Minflok, id-delegazzjoni Russa se tkun immexxija mill-assistent presidenzjali Vladimir Medinsky, skont stqarrija mill-Kremlin.
Zelensky kien qal qabel li kien lest jattendi t-taħditiet u jiltaqa’ ma’ Putin wiċċ imb’wiċċ jekk il-President Russu jaqbel u qal li kien se jagħmel dak kollu li jista’ biex tiġi organizzata l-laqgħa personali.
Il-President Amerikan Donald Trump ukoll mhux se jattendi, skont rapporti fil-midja, minkejja li qabel kien ħareġ indikazzjonijiet li jmur jekk Putin kien se jattendi.
Zelensky se jkun fil-kapitali Torka, Ankara, illum biex jiltaqa’ mal-President Recep Tayyip Erdogan.
Hu qal li kien lest jattendi taħditiet diretti f’Istanbul mar-Russja, imma biss jekk ukoll jattendi Putin.