Jumejn biss wara Jum l-Omm, il-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, ħabbar li l-klinika fl-Isptar Mater Dei, li toffri s-servizzi tal-IVF, se tkun qed terġa’ topera mix-xahar id-dieħel.
Dan wara li, fl-aħħar xhur, dan is-servizz beda jingħata fi sptarijiet privati bil-għan li jkun jista’ isir rinnovar sħiħ tal-laboratorju tal-klinika.
Fil-Parlament, il-Ministru Abela spjega t-tibdiliet drastiċi li saru f’dan iċ-ċentru u li issa huma lesti, fosthom il-footprint tal-laboratorji tal-ipproċessar għal tagħmir ġdid, l-istrutturar mill-ġdid, l-installazjoni ta’ tagħmir u reklutaġġ ta’ ħaddiema ġodda, b’erba’ clinical embroyologists trainees Maltin li qed jieħdu t-taħriġ.
Il-Ministru wkoll ta diversi ċifri mill-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun, hekk kif, mill-bidu tagħha fl-2013, jirriżulta li, sal-lum, hawn 728 tarbija mwielda mis-servizzi tal-IVF li jingħataw bla ħlas f’pajjiżna.
Intqal li, matul l-2024, l-awtorità rċeviet rekord ta’ elfejn, disa’ mija u tmin applikazzjoni għal talbiet differenti minn kliniċi kemm fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku.
Dan filwaqt li ġew approvati sitt mija u tlieta u għoxrin applikazzjoni ta’ pazjenti għar-rifużjoni ta’ ħlasijiet għal mediċini użati b’total ta’ aktar minn disa’ mitt elf ewro.
Minn Jannar tal-2022 sa Diċembru tas-sena li għaddiet ġew approvati total ta’ 1,197 applikazzjoni simili u tħallsu total ta’ kważi żewġ miljun ewro.
APPLIKAZZJONIJIET: | 1,197 |
ĦLASIJIET: | €1,947,910 |
Il-Ministru tenna li, permezz ta’ Intra Uterine Insemination b’riżultat ta’ donaturi tal-isperma, ir-rata tat-tqala żdiedet għal kważi 33% fl-2023.
F’erba’ snin biss, ir-rata tat-tqala żdiedet bi kważi 28%, waqt li ċ-ċikli tad-donaturi tal-isperma tal-IVF għandhom rata ta’ tqala ta’ suċċess ta’ 55%.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għas-Saħħa ħabbar ukoll li l-Paola Hub se jibda joffri s-servizzi tiegħu minn Lulju li ġej, waqt li l-Isptar Pawlu Boffa qed jiġi rinnovat biex jibda jilqa’ ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Floriana flok il-post minn fejn ilu jopera għal għexieren ta’ snin.
Dan minbarra li, mill-1 ta’ Jannar tal-2024 sal-lum, twettqu numru ta’ interventi infrastrutturali u tekniċi fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, bil-għan li titjieb il-kwalità tal-kura lill-pazjenti u tiżdied l-effiċjenza operattiva.
Sadanittant, tħabbar fi stqarrija, li permezz tal-introduzzjoni tal-kirurġija robotika f’Mater Dei, is-sena li għaddiet saru 104 intervent biex jiġi trattat mard tal-kanċer li jaffettwa l-pajp tal-ikel, l-istonku, il-frixa, l-musrana u l-prostata.
Il-Ministru Abela spjega kif kirurġija robotika hi l-aħħar teknoloġija fil-qasam tal-operazzjonijiet u dan wassal għal tnaqqis fir-rati ta’ kumplikazzjonijiet u tħaffef l-irkupru, filwaqt li ġew faċilitati interventi f’postijiet li diffiċli biex jintlaħqu mingħajr ma ssir qasma kbira.
Hu qal kif, is-sena li għaddiet, sar investiment ta’ madwar €1 miljun biex isiru dawn l-interventi permezz tal-kirurġija robotika, li hu ttamat li, fi żmien sentejn, jilħqu l-potenzjal sħiħ ta’ 300 intervent fis-sena.
Dr Clifford Caruana, Chairperson Kliniku fid-Dipartiment tal-Kirurġija Ġenerali u Vaskulari, qal kif il-kirurġija robotika toffri vantaġġi kbar għal pazjent.
“Tnaqqas kemm jintilef demm waqt l-operazzjoni, tnaqqas ir-riskji ta’ infezzjonijiet wara l-operazzjoni, tqassar iż-żmien ta’ rkupru wara l-operazzjoni u allura l-pazjent joħroġ mill-isptar qabel u tagħti aċċess lill-kirurgu li normalment ikunu diffiċli biex jintlaħqu u peress li jintużaw qasmiet żgħar fil-ġisem, l-uġigħ ta’ wara l-operazzjoni ikun ħafna iżgħar.”
CLIFFORD CARUANA