Is-sena l-oħra, kienet sena rekord għall-Ajurport Internazzjonali ta’ Malta, hekk kif id-dħul kien ta’ kważi €143 miljun, bil-profitt nett kien ta’ aktar minn €46 miljun. B’dan fisser tkabbir ta’ kważi 15%, meta mqabbel ma’ sena qabel.
Dan ħareġ waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Ajruport, fejn tħabbar li d-dividend mistenni jkun ta’ tmintax-il ċenteżmu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg innota li dan it-tkabbir seħħ hekk kif is-sena 2024 kienet sena rekord għall-passiġġieri li waslu fil-mitjar Malti, hekk kif għaddew kważi disa’ miljun passiġġier.
Is-sena l-oħra, l-akbar swieq għal mitjar Malti kienu dawk mill-Italja, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza u l-Polonja.
L-ITALJA | 2,046,820 |
IR-RENJU UNIT | 1,741,377 |
IL-ĠERMANJA | 765,115 |
FRANZA | 627,992 |
IL-POLONJA | 577,959 |
Dan filwaqt li l-aktar linji tal-ajru li waslu li ġarrew passiġġieri kienu Ryanair, KM Malta Airlines, Easyjet, Wizz Air u Lufthansa.
Intqal li n-numri ta’ din is-sena sa April ta’ din is-sena kienu aqwa mill-bidu ta’ din is-sena.
Semma kif fis-sajf li ġej se jkun hemm numru ta’ żidiet b’titjiriet ġodda lejn destinazzjonijiet ġodda. Fost oħrajn dik tal-Qatar Airways li se tibda tmur lejn Doha, fil-Qatar, erba’ darbiet fil-ġimgħa.
Intqal li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed jinvesti €345 miljun sal-2029. Spjega li l-fażi li jmiss fil-proġett ta’ espansjoni hi dik li jitkabbar it-terminal, fejn se jkun hemm 32 desk għaċ-check-in u sitt departure gates ġodda.
It-terminal il-ġdid tsl-VIP mistenni jinfetaħ dan ix-xahar. B’dan sar b’investiment ta’ €4.5 miljun. Dan filwaqt li fiż-żmien li se jibda l-bini tat-tieni binja ta’ Skyparks, li se tinkludi fost oħrajn lukanda.
Iċ-Chairman tal-MIA Nikolaus Gretzmacher innota li l-ajruport Malti kellu l-aktar tkabbir fost l-ajruporti kollha fir-reġjun.
